Internazzjonali

L-Awstrija: Rabja dwar ‘diskors Nażista’ mingħand Ministru

Il-Ministru għall-Intern Awstrijak qanqal reazzjoni rabjuża wara li uża terminu assoċjat mal-kampijiet tal-mewt Nażisti biex iwassal il-messaġġ li l-immigranti li qed ifittxu l-kenn politiku għandhom ikunu konċentrati f’post wieħed.

Herbert Kickl, tal-Partit għall-Ħelsien Awstrijak (FPO) tal-lemin estrem, sadattant, ċaħad akkużi li hu għażel dik l-espressjoni partikulari bħala tip ta’ provokazzjoni.

Il-Viċi-Sindku ta’ Vienna, Maria Vassilakou, sadanittant, qalet li Kickl qabeż kull limitu u li ħadd ma jista’ jippermetti li l-lingwa tan-Nażizmu tibda tifforma parti mill-ħajja tal-poplu.

Herbert Kickl qal li jrid jara ‘ċentri u infrastruttura tas-servizzi li jippermettu biex l-awtoritajiet Awstrijaċi jżommu lill-immigranti għatxana għall-kenn politiku f’post uniku.’ Dan meta Kickl wiegħed ukoll li qed jaħseb biex jimplimenta politika stretta ħafna rigward il-kenn politiku.

Iżda skont Steffi Krisper, tal-Partit liberali Neos, il-kummenti partikulari tal-Ministru ‘dehru intiżi bħala provokazzjoni li l-istess Kickl, imbagħad, ipprova jiċħadha b’nofs qalb’.

Madankollu, Kickl kompla jinsisti li ‘ma hemm l-ebda bżonn għal taħdita semantika’ u li hu ma ried jipprovoka lil ħadd.

L-Awstrija qed titmexxa minn Gvern ta’ koalizzjoni ffurmat mill-Partit tal-Poplu konservattiv tal-Prim Ministru Sebastian Kurz u l-Partit tal-Ħelsien.

Sadattant, il-Gvern ta’ Kurz qed jgħid li s-sistema attwali fejn il-gruppi tal-għajnuna qegħdin jipprovdu l-parti kbira tal-akkommodazzjoni għall-immigranti hi, ftit jew wisq, ineffiċjenti.