Il-President Amerikan Donald Trump se jkompli s-sospensjoni tas-sanzjonijiet ewlenin fil-konfront tal-Iran bil-għan li ma jipperikolax il-ftehim nukleari storiku tal-2015 li ntlaħaq bejn il-potenzi tad-dinja u l-Istat fundamentalista.
Madankollu l-uffiċjali qed jistennew li Trump jimponi deadline għall-Kungress ta’ Washington u l-alleati Ewropej biex itejjbu dan il-ftehim ‘inkella l-Istati Uniti jista’ jabbandunah’. Hu wkoll probabbli li Trump jimponi pakkett ġdid ta’ sanzjonijiet għall-kumpannji u individwi Iranjani.
Donald Trump ikkritika kemm il-darba l-ftehim mal-Iran li għen jikkonkludi kriżi fit-tul ma’ Tehran, waqt li l-potenzi Ewropej jinsistu li dan il-ftehim hu kruċjali għas-sigurtà internazzjonali.
Il-ftehim bejn sitt potenzi globali u l-Iran wassal għas-sospensjoni ta’ sanzjonijiet (internazzjonali u min-naħa tal-Istati Uniti) li damu effettivi għal snin u li kienu relatati għall-programmi nukleari ta’ Tehran. Dan wara li l-Iran qabel biex jillimita l-proġetti nukleari tiegħu.
Madankollu, l-Istati Uniti baqgħet iżżomm is-sanzjonijiet separati għall-Iran b’konnessjoni ma’ kwistjonijiet bħat-terroriżmu, id-drittijiet umani u l-iżvilupp ta’ missili ballistiċi.
//= $special ?>

