Futbol Sport

Neymar eskluż mit-tim tas-sena tal-UEFA

L-attakkant Brażiljan Neymar ma kienx magħżul bħala wieħed mill-membri tat-tim tas-sena tal-UEFA. Din kienet l-aktar ħaġa li spikkat hekk kif il-UEFA ħabbret it-tim tas-sena li kien iddominat minn plejers ta’ Real Madrid, tim li f’Ġunju li għadda rebaħ iċ-Champions League.

Kif kien mistenni fl-attakk wieħed isib lir-rivali Cristiano Ronaldo ta’ Real Madrid u Lionel Messi ta’ Barcelona. Ronaldo għen lil Real mhux biss jirbħu ċ-Champions League imma anke l-kampjonat.

Il-plejer Portugiż, lejn tmiem is-sena li għaddiet rebaħ anke l-Ballun tad-Deheb għall-ħames darba fil-karriera tiegħu.

Neymar, li matul is-sajf li għadda ngħaqad ma’ PSG għal somma rekord tħalla barra minn dan it-tim u minfloku l-partitarji, li kienu huma li vvutaw, għażlu lil Eden Hazard ta’ Chelsea.

Għal Hazard din kienet l-ewwel darba li dan kien inkluż fit-tim tas-sena tal-UEFA.

Hazard hu wieħed minn żewġ plejers tal-Premiership li għamluha f’dan it-tim hekk kif il-plejer l-ieħor hu Kevin De Bruyne ta’ Manchester City.

Plejers oħra ta’ Real Madrid li għamluha f’dan it-tim huma Marcelo, Sergio Ramos, Toni Kroos u Luka Modric. Messi hu l-uniku plejer ta’ Barcelona li ġie magħżul f’dan it-tim.

Filwaqt li Neymar ta’ PSG ġie eskluż, plejer ieħor ta’ PSG, Dani Alves ġie magħżul ma’ dan it-tim.

Madankollu ta’ min jinnota li fil-bidu tas-sena li għaddiet Alves kien għadu qed jilgħab ma’ Juventus.
Il-gowlkiper ta’ dan it-tim hu Gianluigi Buffon ta’ Juventus.

Din kienet il-ħames darba li Buffon ġie magħżul f’dan it-tim. Flimkien ma’ Buffon plejer ieħor ta’ Juventus f’dan it-tim hu d-difensur Giorgio Chiellini.