Internazzjonali

Tilwima ‘dwar Facebook’ mhux tas-soltu bejn omm u binha

Mara Taljana kienet ipprojbita milli tiċċirkola ritratti u materjal ieħor ta’ binha adolexxenti fuq Facebook u mezzi oħrajn tal-midja soċjali. Dan meta hi tista’ teħel multa ta’ 10,000 ewro jekk tippersisti b’dan l-aġir.

It-tifel tal-mara, li għandu 16-il sena, ressaq ilment fil-qorti dwar ‘id-drawwiet ta’ ommha fir-rigward tal-midja soċjali’ u fejn hi kemm-il darba pubblikat ritratti tiegħu fuq Facebook mingħajr ma hu kien taha l-kunsens.

Qorti tal-familja, f’Ruma, li qed tittratta d-divorzju tal-ġenituri tat-tifel, ddeċidiet favur it-talba tal-adolexxenti li insista li ‘iddejjaq bl-aġir esaġerat ta’ ommu kull meta hi tidħol online’, bil-kwistjoni titqajjem waqt li kienu għaddejjin il-proċeduri tad-divorzju.

Il-qorti ddeċidiet li – skont il-liġi tal-copyright fl-Italja – is-suġġett (it-tifel) tar-ritratti inkwistjoni għandu d-dritt assolut li jagħżel jekk ir-ritratti tiegħu għandhomx ikunu pubblikati. Kien anki deċiż li ommu (li ma ssemmietx b’isimha) abbużatlu dan id-dritt,

Għaldaqstant, hi qed tissogra multa enormi dment li tkompli tibgħat l-informazzjoni dwar binha fuq Facebook. Hi kienet ordnata wkoll biex tneħħi kull ritratt, messaġġ u filmati tal-adolexxenti mill-kontijiet tal-midja soċjali tagħha.