Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump ċaħad li uża kummenti dispreġjattivi u inaċċettabbli dwar il-pajjiżi Afrikani u Stati bħall-Haiti u El Salvador li għandhom numru kbir ta’ immigranti fl-artijiet tal-Amerikani. Id-diskors kien attribwit lil Trump mill-istampa meta hu kien qed jitkellem fl-Oval Office tal-White House, f’Washington.
L-allegati kummenti qanqlu reazzjoni kbira fl-Istati Uniti u madwar id-dinja, b’uffiċjal tan-Nazzjonijiet Uniti jfisser l-allegat kliem bħala razzisti u tat-tip ‘li jiftħu l-bieb għall-agħar tendenzi tal-umanità’. Intant, Trump insista, fuq Twitter, li ‘hu ma użax il-lingwaġġ li qed ikun attribwit lilu’ fil-laqgħa dwar l-immigrazzjoni ‘anki jekk il-lingwaġġ partikulari tiegħu kien pjuttost iebes’.
Qabel ir-reazzjoni ta’ Trump, l-istampa Amerikana rappurtat li l-President kien staqsa ‘għalfejn dawn l-immigranti kollha qegħdin jaslu l-Istati Uniti’, bil-White House ma jippruvax jiċħad il-kummenti. Il-Gvern Amerikan fl-aħħar ġimgħat kien qed jipprova jillimita l-ammont ta’ qraba tal-immigranti li jistgħu jidħlu fl-Istati Uniti fost il-miżuri biex jintemm l-istatus ta’ eluf tal-immigranti bħala persuni protetti fil-pajjiż.
Fi żvilupp ieħor sar magħruf li Donald Trump ħassar iż-żjara li kellu jagħmel fir-Renju Unit ix-xahar id-dieħel u fejn kien mistenni li jinawgura ambaxxata Amerikana ġdida f’Londra.
Il-President Amerikan, intant, bagħat messaġġ fejn qal li ma kienx favur l-ambaxxata ġdida li s-sede tagħha qed ikun trasferit minn Mayfair għan-naħa t’isfel ta’ Londra.
//= $special ?>

