Lokali

Emma Muscat tirbaħ il-qlub tat-Taljani waqt il-programm Amici

Emma Muscat, il-kantanta u pjanista Maltija ħarġet bl-unuri mill-programm tas-Sibt waranofsinhar Amici, immexxi mill-kondutriċi Maria de Filippi li jixxandar fuq Canale 5.

Bl-interpretazzjoni eċċellenti tal-kanzunetta Fast Car ta’ Tracy Chapman, iż-żagħżugħa ta’ 18-il sena impressjonat kemm l-għalliema kif ukoll l-udjenza preżenti – tant hu hekk li akkwistat il-voti kollha tal-ġurija. Madanakollu illum ma ttieħed l-ebda vot mill-pubbliku onlajn.

Ftit wara li kantat il-Maltija, Maria de Filippi introduċiet filmat fejn uriet li fl-aħħar jiem il-Maltija ma tantx kienet għaddejja minn żmien feliċi, hekk kif bosta mit-tfajliet studenti li qiegħdin jieħdu sehem fil-programm Amici għal xi raġuni jew oħra bdew iwarbuha.

Tliet tfajliet partikolari insistew li forsi ġew miżinterpretati madanakollu l-filmati tkellmu waħedhom – hekk kif fost oħrajn f’xi waqtiet anke bdew iżebilħuha minn wara daharha. Emma Muscat issoktat li tifhem li din kompetizzjoni u kulħadd qiegħed hemm biex jirbaħ u żgur li dawn l-affarijiet mhux ser jaqtgħulha qalbha.