Is-Sibt filgħodu saret ċerimonja mill-Kunsill għas-Settur Volontarju fejn b’kollaborazzjoni ma’ Malta Community Chest Fund Foundation ġew iffirmati 18-il kuntratt ma’ numru ta’ fondazzjonijiet biex isiru proġetti li bihom se jkunu qed jgħinu persuni vulnerabbli.
Il-proġetti bl-isem ta’ ‘Fund for Voluntary Organisations’ se jkunu mqassma fuq it-18-il xahar li ġejjin.
Ic-Chairperson tal-Organizzazzjoni Carmel Borg qal li l-proġetti se jiffukaw l-iktar fuq dawk l-iktar vulnerabbli. B’hekk se ssir ħidma kollettiva minn entitajiet differenti għall-istess skop.
Preżenti kien hemm il-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca fejn qalet li tinsab kburija bix-xogħol volontarju li qed isir.
Huma se jkunu qed jgħinu lil persuni b’numri ta’ diffikultajiet, fosthom is-saħħa mentali, dawk b’diżabilità u anke l-faqar.
L-iskop ewlieni ta’ dawn l-organizazzjonijiet hu dak li jagħmlu differenza fis-soċjetà Maltija.












