Lokali

FILMAT: Jaslu f’Malta oġġetti tal-Knisja desagrati mill-ISIS

Pissidi mifqugħ b’tir ta’ arma tan-nar u kalċi mgħaffeġ, kurċifissi mkissra, statwi mfarrka u oġġetti sagri oħra maħruqa.

Dawn l-oġġetti tal-Knisja huma biss uħud mill-affarijiet li l-Ħadd li ġej se jkunu għall-wiri fil-Knisja tal-Bon Pastur ta’ Ħal Balzan u li huma xhieda ta’ tbatija ta’ popli sħaħ.

L-oġġetti ġew desagrati mill-ISIS fis-Sirja u l-Iraq, u f’dawn ix-xhur qed iduru mad-dinja f’wirja li għandha l-għan li twassal messaġġ ta’ dak li għaddejjin minnu popli sħaħ sempliċiment għaliex iħaddnu l-Kristjaneżmu.

Il-wirja qed issir f’pajjiżna fuq inizjattiva ta’ Aid to the Church in Need, organizzazzjoni li għandha uffiċċju f’pajjiżna, kif ukoll 23 pajjiż ieħor, u li twettaq ħidma fost dawk persegwitati f’140 pajjiż differenti.

Tkellimna ma’ Stephen Axisa, Direttur Nazzjonali ta’ Aid to the Church in Need (Malta).

“Meta dħalna fl-Iraq, konna qabel il-United Natons. Devastazzjoni, nies m’għandomx fejn jistkennu, b’temp aħrax. Kellna naraw kif se nagħmlu biex lil dawn in-nies intuhom saqaf ta’ kenn u sintendi l-ikel, kif għadna għaddejjin illum fejn qed norganizzaw mal-elf food basket għall-familji.”

Bħalissa din l-organizzazzjoni qed taħdem biex jirritornaw diversi familji fl-Iraq.

“Fl-Iraq biss bnejna mat-tmien skejjel għat-tfal waqt li f’Aleppo għandna kċina fejn qed inqassmu mal-għaxart elef ikla kuljum għaliex sintendi dawn in-nies la għandhom flus biex jixtru u lanqas minn fejn jixtru għaliex illum il-belt spiċċat torba u żrar.”

F’Aleppo biss, mal-erbat elef tifel u tifla spiċċaw jiġru barra, orfni mingħajr ħadd min jieħu ħsiebhom. Uħud minn dawn saħansitra huma t-tfal tal-jihadisti li spiċċaw abbandunati wara l-attakki.

“Bħalissa fl-Iraq qed nagħmlu proġett massiċċ fl-Iraq biex indaħħlu lura l-familji f’Niniveh. Se jkollna bżonn nirranġaw u nibnu mill-ġdid mat-13,000 dar biex jidħlu lura mal-12,000 familja. S’issa daħlu lura mas-7,000 familja li daħlu u deħlin. Qed jiġu l-irġiel minn divers bliet biex jaraw id-djar f’liema stat huma u aħna naraw kif nistgħu ngħinuhom biex jirranġaw id-djar tagħhom u l-familja kollha tirritorna lejn il-villaġġ.”

Il-wirja tiftaħ wara l-quddies tad-9 tal-Ħadd filgħodu u tibqa’ miftuħa matul il-ġimgħa d-dieħla.