“Jekk jirnexxieli ngħin imqar persuna waħda tgħix aħjar, dan hu diġà biżżejjed biex jiġġustifika d-don ta’ ħajti.”
Kliem il-Papa Franġisku li s-sorijiet tal-karità, fosthom 42 soru li taw is-serevizz fid-Dar tal-Providenza, għexu matul ħajjithom kollha.
Fost dawn Sister Annunzjata Cortis, li f’Marzu tagħlaq 105 snin u li ddedikat ħajjitha għal persuni li sfortunatament għal snin twal is-soċjetà warrbet – il-persuni b’diżabiltà. Tispjega li s-sigriet tagħha hu li qatt ma tgħażżnet. Qattgħet ħajjitha taħdem u tistinka.
“X’inhu s-sigriet tiegħek? U jien naf. Hu jaf. Dejjem xogħli kien xogħol fl-Isptar jew id-dar, għax bdejt naħdem mid-dar. Sa ftit snin ilu, kont dejjem xogħol, il-ħin kollu,” spjegatilna Sister Annunzjata.
Umli, tant li talbitna ma ntuhiex importanza għax il-cameras idejquha, tgħid li kieku kellha tmur lura terġa’ tagħżel l-istess ħajja. Staqsejniha jekk hux kuntenta bil-ħajja li għexet. “Nirringrazzjaw lil Alla. Ma jiddispjaċinix. Kieku jkolli nerġa’ nibda, ma kontx ngħid le.”
Sister Natalie Abela tgħid li din il-ħajja ddedikata għal ħaddieħor hi wkoll ħajja ddedikata lil Alla. “Għalina, fil-wiċċ tal-fqir, fil-wiċċ tal-persuna fil-bżonn naraw il-wiċċ ta’ Alla.”
Filwaqt li sister Lorenza Borg tispjega l-emozzjoni li persuni bi bżonnijiet differenti japprezzaw il-ġid li jsir magħhom. “Dawn il-persuni ma jistgħux jgħidulek grazzi, imma bil-ħarsa u t-tbissima tagħhom qed jirrikonoxxu dak li tagħmlilhom. Bħala sorijiet nagħmlu dak kollu li nistgħu, anzi nagħmlu iktar milli nifilħu ma’ dawn ir-residenti għax inħobbuhom ħafna.”
Il-Ġimgħa filgħodu, fl-okkażjoni tal-ħamsin sena ta’ ħidma tas-sorijiet tal-karità fid-Dar tal-Providenza, il-Vigarju Ġenerali Monsinjur Joe Galea qaddes quddiesa ta’ ringrazzjament fid-Dar tal-Providenza stess.
//= $special ?>