Lokali

Gideb biex jimpressjona lill-mara tiegħu

Qal li kien ħadem għand il-Maġistrat Joe Mifsud biex issalva r-relazzjoni mat-tieni mara.

Anthony Fenech li kien qal li serva parti mis-sentenza biex jagħmel xogħol fil-komunità għall-istess maġistrat li sabu ħati, irtira l-allegazzjonijiet u qal li kienu biss gideb biex jipprova isalva r-relazzjoni mat-tieni mara tiegħu.

Fenech kien instab li kien f’pusses ta’ oġġetti misruqa f’Lulju 2016, qal fil-Qorti li gideb meta qal li kien qed jaħdem għal Joe Mifsud. Ix-xhieda nstemgħet t il-Ġimgħa wara appell mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li kien qed ifittex li reati ta’ serq jingħataw piena aktar ħarxa.

Tajjeb li ngħidu li f’Novembru li għadda l-gazzetta The Sunday Times of Malta irrapurtat, li ċertu Lief Ahlstrom – Żvediż li joqgħod Għawdex li kien ġie misruq mill-akkużat qal lill-Qorti li l-istess akkużat kien qal permezz ta’ sms li serva parti mis-sentenza billi wettaq xi xogħol fil-komunità, billi ħadem fuq il-madum tal-appartament tal-Maġistrat Mifsud. Ahlstrom qal li kien irċieva screenshot ta’ dan l-sms mit-tieni mara ta’ Fenech.

L-akkużat ammetta li gideb meta qal li kien ħadem għand Mifsud. Huwa qal li għamel dan għax fil-perjodu ta’ dan kellu x’inkwiet mal-ewwel mara rigward il-kustodja tat-tifla u ma riedx li b’kawża ta’ dan il-każ, ssofri r-relazzjoni mat-tieni mara .

Huwa fil-Qorti qal li jammetti li fl-sms mar lil hinn mill-verità, u li għamel dell ikrah fuq il-maġistrat Mifsud. Huwa qal li llum jiddispjaċih li għamel dan fil-konfront tal-Maġistrat.

F’dan il-mument fil-Qorti il-maġistrat Mifsud qal li kliem bħal dan għamel biss ħsara lir-reputazzjoni lilu u l-irwol li hu jħaddan bħala Maġistrat. Huwa qal li l-madum kien ilu lest fl-appartament tiegħu mill-2007, u li qatt ma kellu bżonn xejn aktar.

Mistoqsi jekk qatt kellimx lil Fenech, huwa qal li darba rah u Fenech qallu ‘grazzi’ meta kien qed jixtri l-gazzetta.

Il-Maġistrat Mifsud kompla li fuq l-istorja li kienet dehret fuq The Sunday Times of Malta huwa ħeġġeġ lill-Kummissjoni għall-Ammistrazzjoni tal-Ġustizzja biex tiftaħ investigazzjoni fuqha, għax huwa m’għandux minn xiex jibża.

Il-maġistrat ippreżenta wkoll stqarrija mid-direttur tal-Fondazzjoni Arka li kienet tgħid li l-akkużat qatt ma ħadem fil-flat tiegħu. Barra minn hekk, id-deċiżjoni li tassenja lis-Sur Fenech mal-NGO ma ġietx meħuda minnu imma minn uffiċjal tal-probation.

L-Avukat Elaine Mercieca dehret għall-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali filwaqt li l-avukat Joshua Grech kien l-avukat tad-difiża għal Anthony Fenech.

Il-każ se jkompli fit-2 ta’ Marzu.