Internazzjonali

Ikompli l-impenn kontra l-korruzzjoni fil-Bulgarija

Il-Parlament fil-Bulgarija qaleb il-veto Presidenzjali għal abbozz kontra l-korruzzjoni, b’dan il-pass jippermetti għat-twaqqif ta’ taqsima speċifika li tikkontrolla l-abbużi fuq livell għoli amministrattiv.

Il-President Bulgaru, Rumen Radev, il-ġimgħa l-oħra, kien irrifjuta li jiffirma l-abbozz bħala liġi fejn esprima dubji dwar l-effiċjenza tiegħu. L-aġir ta’ Radev, iżda, kien ikkunsidrat bħala embarazzanti għall-Bulgarija li proprju dan ix-xahar assumiet il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, effettiva għal sitt xhur.

L-Unjoni Ewropea ilha s-snin twettaq pressjoni fuq il-Gvern Bulgaru biex jieħu passi xierqa għat-trażżin tal-korruzzjoni fuq livell politiku u amministrattiv. Dan meta l-aġenzija Transparency International tgħid li l-Bulgarija hi l-aktar pajjiż korrott fl-UE.

Il-mozzjoni biex tinqaleb il-veto għall-abbozz kontra l-korruzzjoni kienet appoġġjata minn 146 deputat fil-Parlament ta’ 240 membru. Kien biss il-Partit Soċjalista fl-Oppożizzjoni li vvota kontra. Intant, il-kritiċi qed iwissu li l-management tat-taqsima proposta għal kontra l-korruzzjoni għandha tinħatar mill-Parlament f’Sofija u, għaldaqstant, tista’ ma tkunx entità tassew indipendenti.