Lokali

Il-Kavallier Nazarene Calleja jingħata l-unur Għawdex Irodd Ħajr

Il-Kavallier Nazarene Calleja hu r-rebbieħ tal-għaxar edizzjoni tal-unur Għawdex Irodd Ħajr organizzat mill-Kumitat Reġjonali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex.

Waqt serata mtella’ apposta mill-Kumitat Reġjonali Għawdex, Calleja ngħata midalja u tifkira mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia bħala rikonoxximent tal-ħidma tiegħu għal Għawdex u l-Għawdxin.

Nazzareno Calleja ta ħajtu għall-ħidma fil-komunita tax-Xewkija kif ukoll t’Għawdex. Fi żmien meta l-Partit Laburista kien fl-aqwa tiegħu, Calleja flimkien ma’ sħabu fil-kumitat lokali ħassew il-bżonn li jinstab post għall-każin tal-Partit Nazzjonalista fix-Xewkija, fortizza tal-Partit Laburista.

Żaren ikkontesta tliet elezzjonijieet ġenerali fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Hu twieled fit-8 ta’ Ġunju tal-1933, ilu iktar minn 80 sena parti integrali mill-ħajja tal-gżira Għawdxija, fejn kien attiv fil-qasam sportiv, kulturali u reliġjuż.

Kien Segretarju ta’ Xewkija Tigers, klabb tal-futbol li tagħhom illum hu President Onorarju. Serva wkoll bħala kaxxier tal-Assoċjazzjoni Għawdxija tal-Futbol. Kien ukoll wieħed mill-fundaturi tal-Banda Prekursur, fejn serva għal snin bħala Segretarju u flimkien mal-kumitat innegozja x-xiri tal-bejgħ tal-proprjeta’ tal-każin tal-banda u saħansitra daħal garanti għas-self tax-xiri ta’ din il-proprjeta’.

Calleja ħadem mill-qrib ukoll mal-Arċiprieti tal-parroċċa tax-Xewkija għall-ġid tal-komunita’, kien membru tas-soċjeta’ tal-mużewġ, taz-zgħażaħ ħaddiema nsara u għadu attiv ukoll fil-Leġjun ta’ Marija. Kien fuq rakkomandazzjoni ta’ Monsinjur Nikol Cauchi, li Papa Pawlu 6 ħatar lil Żaren bħala Kavallier ta’ San Silvestru.

Iż-żjara tal-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex tkompli l-Ħadd meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jiltaqa’ man-nies fil-pjazza tax-Xagħra qabel indirizza djalogu fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fir-Rabat, Għawdex.