Lokali

Il-LESA qed tikser il-liġi sfaċċatament – SĦPN

Il-LESA, il-kumpanija mwaqqfa mill-Gvern u li taħtha ġabret il-Gwardjani Lokali qed tikser il-liġi tax-xogħol sfaċċatament fil-konfront tal-istess Gwardjani Lokali. Hekk sostna l-Moviment Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) hekk kif fi stqarrija ġie spjegat li jinsab infurmat minn numru ta’ gwardjani lokali impjegati tal-G4S li l-impieg tagħhom se jkun itterminat u riedu jerġgħu japplikaw mill-ġdid għall-istess impieg bl-istess kundizzjonijiet bl-istess titlu, din id-darba mal-LESA.

L-SĦPN komplew jispjegaw li l-istess kumpanija tal-Gvern, immexxijja mill-eks-Kummissarju Ray Zammit, ilha tikri s-servizzi tal-G4S għal żmien konsiderevoli u skont il-liġi numru 452.85 kull ma’ ried isir kien traferiment tan-negozju u mhux tkeċċija tal-impjegati.

Għaldaqstant wieħed jifħem li dan se jagħti lok għall-abbużi, tant li dawn il-ħaddiema qed jibżgħu li jistgħu jispiċċaw jitilfu l-impieg għax ma jintagħżlux jew jekk jintagħżlu, jitilfu l-kundizzjonijiet li għandhom permezz tal-ftehim kollettiv kif ukoll iridu jerġgħu jgħaddu minn sitt xhur probation f’liema żmien jistgħu jitkeċċew mingħajr ebda spjegazzjoni. Dan kollu wara servizz ta’ 10 snin mal-kumpanija privata.

L-SĦPN insistew li dan l-atteġjament huwa inaċċettabbli li jseħħ, b’mod speċjali li jseħħ minn kumpanija tal-Gvern immexxijja minn eks-Kummissarju u li xogħol huwa li tħares il-liġi u qed tkun qed tikser il-liġi tax-xogħol hija stess.

Dan filwaqt li huma wkoll infurmati li l-UĦM Voice of the Workers, għalkemm mhijiex il-union rapreżentattiva, diġa’ ħadet azzjoni u infurmat b’dan lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u x-Xogħol.

SĦPN sostniet li qed tistenna li d-Direttur tax-Xogħol jinvestiga dan il-ksur sfaċċat tal-liġi b’mod immedjat sabiex jassigura li d-drittijiet tal-ħaddiema, hekk kif stipulati fil-liġi, jkunu mħarsa u jassigura wkoll li l-liġi tkun rispettata minn kulħadd. Fin-nuqqas ta’ dan l-SĦPN qalu li jkompli jiġi ikkonfermat kif l-Awtoritajiet Ċivili huma mnawwrin u ġew imneżża’ minn kull dinjità.

SĦPN ferġet lill-UĦM li kienet hi l-unika Union li qed tiddefendi l-interessi tal-ħaddiema. Huma stqarrew liħ addieħor, li suppost ħa azzjoni, jidher li għalaq għajnejh u għandu interess jiddefendi l-interessi ta’ kulħadd minbarra tal-impjegati.

Finalment insistew li dan jikkonferma kif pajjiżna m’għadux wieħed normali u li qed ngħixu fi stat kontrollat mill-Gvern u l-pupazzi tiegħu.