Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jħares b’impenn lejn l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Il-Partit Nazzjonalista lest biex imexxi f’kemm jista’ jkun lokalitajiet għaliex jemmen li jista’ jagħmel aħjar għaċ-ċittadini.

Waqt li kien qed jindirizza lill-kunsilliera lokali u membri tal-kumitati amministrattivi f’Għawdex, li saret fis-sub headquarters tal-Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia appella lil dawk preżenti biex ixammru l-kmiem għal ħidma favur ir-residenti.

Iż-żjara ta’ Adrian Delia kienet parti minn laqgħa li tmexxiet mill-whip tal-Partit Nazzjonalista u Kelliem tal-Kunsilli Lokali Robert Cutajar, akkumpanjat minn Charles Bonello bħala Koordinatur tal-Kunsilli Lokali, Paul Buttigieg li hu l-President tal-Kumitat Regjonali Għawdex u Samuel Azzopardi, Sindku tar-Rabat Għawdex u rappreżentant tal-kunsilliera għar-reġjun ta’ Għawdex.

Dawk preżenti kellhom opportunità jitkellmu dwar problemi lokali li qed jaffaċċjaw il-familji Għawdxin.

Fost il-problemi li ssemmew hemm limiti kbar f’dak li għandu x’jaqsam mal-isport fejn f’Għawdex wieħed isib biss outdoor gym wieħed. Problemi wkoll fl-infrastruttura tat-toroq fejn ħafna toroq huma mitluqa, kif ukoll problema partikolari tal-iskart speċjalment f’postijiet turistiċi.

Il-laqgħa f’Għawdex għalqet proċess ta’ konsultazzjoni fost il-kunsilliera u segwiet erba’ workshops li saru f’Malta. Barra minn hekk din iż-żjara tkompli fuq il-wegħda tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista li jrid iżur iktar spiss il-gżira Għawdxija biex jifhem dejjem iżjed il-bżonnijiet ta’ Għawdex.

Iż-żjara tal-uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista f’Għawdex tkompli l-Ħadd meta l-Kap tal-Partit Nazzjonalista jiltaqa’ man-nies fil-pjazza tax-Xagħra qabel jindirizza djalogu fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fir-Rabat, Għawdex.