George Cassar
SLIEMA W………………………1
BALZAN…………………………2
Balzan se jżommu l-ewwel post għal tal-inqas ġimagħtejn oħra hekk kif għelbu lil Sliema Wanderers b’żewġ gowls fit-tieni taqsima ta’ Uros Ljubomirac.
Balzan kienu l-aħjar tim iżda damu kemm biex żblukkaw ir-riżultat kif ukoll biex għalqu l-partita. Sliema skurjaw biss gowl ta’ konsolazzjoni li wasal tard wisq biex isalvaw xi ħaġa minn din il-partita.
Għal Sliema ddebutta d-difensur laterali xellugi mill-Ghana Ni Nortey Ashong li beda mas-sostituti iżda kien imsejjaħ biex jidħol jilgħab wara nofs siegħa hekk kif weġġa’ Jonathan Pearson li ma setax ikompli l-partita proprju fil-ġurnata ta’ għeluq il-31 sena tiegħu.
Għal Balzan iddebutta mill-bidu d-difensur mis-Serbja Ivan Bozovic li kien wieħed minn erba’ plejers Jugoslavi fil-formazzjoni inizjali ta’ Balzan immexxija minn Serb ukoll Marko Micovic.
Fl-aħħar minuti daħħal ukoll għall-ewwel darba bil-flokk ta’ Balzan l-akkwist mingħand Ħamrun Spartans Siraj Arab.
F’nofs l-ewwel taqsima l-gowlkiper ta’ Sliema Glenn Zammit wettaq save tajjeb mal-art fuq xutt ta’ Bojan Kaljevic. Balzan ippersistew b’żewġ attakki perikolużi ta’ Alfred Effiong li ġew imblukkati tajjeb mid-difiża kompatta tal-Wanderers.
Qabel intemmet l-ewwel taqsima Balzan kważi skurjaw meta minn kross ta’ Ivan Bozovic, Alfred Effiong għeleb lill-gowlkiper Zammit iżda Goran Adamovic u Stefano Bincardi rnexxielhom itajru l-ballun qabel ma qabeż il-linja.
Wara li marru ferm qrib b’xutt fil-baxx ta’ Lecaò, Balzan skurjaw il-gowl tal-vantaġġ ftit wara s-siegħa logħob. Minn pass mil-lemin ta’ Lecaò mil-lemin, Uros LJUBOMIRAC skurja b’xutt għar-rokna.
Balzan issiġġillaw ir-rebħa żewġ minuti mit-tmiem meta Bojan Kaljevic nifed id-difiża Slimiża b’pass intelliġenti fil-baxx lejn Uros LJUBOMIRAC li daħal tajjeb u skurja b’xutt fil-baxx.
Fil-ħin miżjud Sliema naqqsu d-distakk minn freekick dirett minn tarf il-kaxxa ta’ Matias MUCHARDI li temm fir-rokna tax-xibka fejn il-gowlkiper Sean Mintoff ma setax jilħaq.
Dan ir-riżultat ifisser li Balzan issa ilhom erbatax-il partita fil-kampjonat mhux megħluba, filwaqt li kuntrarju għal dan, Sliema issa ilhom erba’ partiti bla rebħa.
//= $special ?>