Stewart Said
ĦAMRUN S…………..1
ST. ANDREWS………1
Ir-riżultat finali hu l-aktar ġust bejn żewġ timijiet li fil-partita kellhom il-mumenti tagħhom. Ħamrun riedu l-punti biex ikomplu jżommu t-tamiet tagħhom li jippruvaw jisfidaw għall-post fl-ewropa, filwaqt li St. Andrews jinsabu fiż-żona tar-relegazzjoni.
It-tnejn skorjaw fil-bidu ta’ taqsima kif ukoll kontra x-xejra tal-logħob, b’St. Andrews ikunu ftit aħjar fl-ewwel taqsima, filwaqt li Ħamrun żiedu l-isforzi tagħhom fl-aħħar parti tal-logħba. Punt li fil-verità aktar jikkuntenta lil St. Andrews li b’hekk jinsabu punt fuq Tarxien Rainbows.
Tliet bidliet għal Jacques Scerri. Jake Galea rritorna fil-lasta flok Steve Sultana, Terence Agius beda flok Triston Caruana f’nofs il-grawnd u Marco Criaco beda mill-bidu, b’Tiago Souza de Silveira jkun assenti. Il-kowċ Michael Woods għamel żewġ bidliet mit-telfa kontra Balzan. Travis Blagrove u Tano Azian bdew flok Liam Grech u Kevaughn Atkinson.
Ħamrun fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni tal-logħba meta Julian Galea krossja mil-lemin lura lejn Davide SUCCI li fuq il-ġirja daħal tajjeb u għeleb lil Matthew Calleja Cremona. Dan il-gowl ħasad lil St. Andrews li kienu ħarġu aħjar.
Il-logħba żvolġiet aktar f’nofs il-grawnd, b’St. Andrews ikollhom pussess aħjar. Kien biss fit-33 minuta li kien hemm azzjoni denja, b’Kemar Reid imur viċin li jġib id-draw b’xutt b’saħħtu minn tarf il-kaxxa li għadda ftit barra. Tliet minuti wara, free-kick ta’ Joseph Farrugia minn pożizzjoni tajba spiċċa fuq il-lasta.
Il-Ħamruniżi ħarġu aħjar fit-tieni taqsima u bdew jagħfsu aktar lid-difiża avversarja u fil-55 minuta resqu viċin id-draw b’xutt sabiħ għar-rokna ta’ Terence Agius li deher destinat għal ġewwa, iżda Matthew Calleja Cremona rnexxielu jsalva b’titjira mill-isbaħ.
Madankollu żewġ minuti wara St. Andrews ġabu d-draw, b’azzjoni personali Kemar REID li għadda djagonalment fuq il-lemin fil-kaxxa, sab l-ispazju u b’xutt tajjeb għar-rokna għeleb lil Jake Galea.
Ir-reazzjoni ta’ Ħamrun waslet fil-65 minuta bi free-kick ta’ Guilherme de Castro li kien blokkat parzjalment mill-barriera, bit-tieni xutt tiegħu li kien fil-baxx jgħaddi ftit barra.
Ħamrun bdew isibuha ftit diffiċli biex jimplimentaw il-logħob tagħhom, b’St. Andrews imorru qrib fl-aħħar kwarta, b’Miranda Gomez jidħol tajjeb fl-ispazju, iżda x-xutt finali minn pożizzjoni ċentrali kien imblukkat f’korner.
Il-partita żiedet aktar fit-tensjoni b’daħliet aktar goffi. Aktar ma beda jgħaddi l-ħin, Ħamrun bdew iżidu l-pressjoni biex jippruvaw iżidu l-gowl tar-rebħa, iżda għajr appell għal penalty għal fawl fuq Julian Galea, ma kinux ta’ periklu għal Calleja Cremona.
//= $special ?>