George Cassar
GŻIRA UNITED……………..3
TARXIEN RAINBOWS….1
Wara d-diżappunt ta’ ġimgħa ilu kontra Birkirkara, Gżira United irritornaw għar-rebħ f’logħba li l-avversarji Tarxien għamluhielhom waħda diffiċli għal ħafna mill-ħin.
Ir-Rainbows lagħbu l-logħba li kienet mistennija minnhom fejn iddefendew tajjeb u bdew jaqbdu lil Gżira bil-kontrattakki.
Madankollu għoxrin minuta mit-tmiem, Gżira marru minn fuq b’nuqqas ta’ attenzjoni tad-difiża. Minn hemm Tarxien ċedew l-armi fejn spiċċaw bi plejer inqas u eventwalment sofrew anki t-tielet gowl.
Għal Gżira kellu debutt pożittiv f’nofs il-grawnd iċ-Ċilen Edison Zarate li lagħab l-ewwel parti ta’ dan l-istaġun ma’ Mosta. Fuq in-naħa ta’ Tarxien iddebutta fuq il-faxxa xellugija s-Serb Stefan Radovanovic.
Fl-ewwel taqsima l-Maroons kellhom tliet freekicks qrib il-kaxxa li kollha tahom Andrew Cohen li kien qrib f’kollha kemm huma fejn fl-ewwel wieħed laqat ukoll il-lasta.
Kienu Tarxien li skurjaw l-ewwel wara nofs siegħa meta Ricardo Faria qabeż lil Clifford Gatt Baldacchino, ħarab ħarba veloċi, ta għan-nofs lil Matar Dieye iżda dan kien antiċipat minn Tony. FARIA reġa’ ħa l-ballun mitluf u għeleb lil Justin Haber mill-viċin.
Qabel intemmet l-ewwel taqsima r-referì Eman Grech saffar penalty favur Gżira wara li ġġudika li Matthew Spiteri waqqa’ lil Andrew Cohen fit-tarf tal-kaxxa.
Il-penalty ġie skurjat minn Amadou SAMB minkejja li l-gowlkiper Antonio Chetcuti deher li rnexxielu jmiss il-ballun imma mhux biżżejjed biex iwaqqfu milli jidħol.
Iż-żewġ naħat baqgħu ’l bogħod mil-lasti avversarji fit-tieni taqsima sakemm kwarta mit-tmiem Amadou SAMB tefa’lil Gżira għall-ewwel darba fil-vantaġġ meta żmarka ruħu f’azzjoni ta’ korner u tefa’ ġewwa bir-ras.
Ftit minuti wara t-tmenin minuta Tarxien sofrew majnata doppja.
L-ewwel meta d-difensur Maċedonjan Antonio Mitrev intwera t-tieni karta safra u tkeċċa għal fawl qrib il-kaxxa.
Mill-istess freekick is-sostitut Nikolai MUSCAT skurja direttament minn freekick b’xutt b’saħħtu dirett għar-rokna xellugija t’isfel tal-gowlkiper Chetcuti. Dan kien l-ewwel gowl fil-Premier għall-eksplejer ta’ San Ġwann.
Gżira kkontrollaw faċilment sal-aħħar biex kisbu tliet punti prezzjużi qabel ma ġimagħtejn oħra jilagħbu konfront diffiċli kontra Hibernians.
//= $special ?>