Stewart Said
NAXXAR L…………0
VALLETTA…………1
Gowl waħdieni f’nofs l-ewwel taqsima kien biżżejjed għal Valletta biex jiksbu t-tielet rebħa konsekuttiva ta’ 1-0. Il-prestazzjoni Beltija reġgħet kienet diżappuntanti iżda minkejja dan il-fatt reġgħu rebħu, b’gowl għalihom ikun biżżejjed.
Il-Beltin naqsu li jkunu avventurużi fit-tielet parti tal-pitch, bid-difiża u nofs il-grawnd ta’ Naxxar jikkontrollaw tajjeb. In-Naxxarin kienu organizzati u bil-prestazzjoni tajba li kellhom forsi naqsu li jkunu perikolużi.
Tliet bidliet mil-logħbiet preċedenti għaż-żewġ timijiet. Danilo Doncic ta d-debutt lil Miguel Alba f’nofs il-grawnd u għall-ewwel darba mill-bidu lil Enmy Pena Beltre. Steve Borg irritorna mis-sospensjoni u ħa post is-sospiż Joseph Zerafa.
Oliver Spiteri beda lil Elhadji Ndoye, Ryan Grech u Matheus Casarotto b’tal-aħħar jagħmel id-debutt. Huma ħadu post Angus Buhagiar, Rodrigo da Costa, Daren Falzon.
Kienu Naxxar li pruvaw jiskorjaw l-ewwel wara sitt minuti bi free-kick ta’ Yuri Messias li kien salvat minn Henry Bonello.
Valletta kellhom il-kontroll tal-logħba iżda ma kinux perikolużi, madankollu fl-ewwel xutt tagħhom fetħu l-iskor. Kien kross tajjeb ta’ Enmy Pena Beltre mil-lemin li sab lil Santiago MALANO li b’xutt mill-ewwel fil-baxx fuq l-ewwel lasta qata’ lil Nicht.
Naxxar pruvaw iwettqu reazzjoni f’azzjonijiet sporadiċi. L-ewwel kien fit-33 minuta f’azzjoni konfuża li minnha konklużjoni ta’ Rafael Santos spiċċat fuq il-lasta.
Disa’ minuti wara, xutt ta’ Messias għadda għoli, biex qabel tmiem l-ewwel taqsima Jean Moser prova jissorprendi lil Henry Bonello b’xutt mid-distanza, iżda l-gowlkiper Belti salva f’darbtejn.
L-andament fit-tieni logħba baqa’ baxx, b’Valletta jikkontrollaw iżda ma joħolqu l-ebda periklu lejn Nicht.
Saħansitra kienu Naxxar li fl-ewwel azzjoni tat-taqsima fis-66 minuta minn kross mil-lemin, id-daqqa ta’ ras ta’ Jean Moser kienet salvata tajjeb minn Henry Bonello bl-għajnuna tal-lasta.
Naxxar appellaw għal penalty fit-72 minuta għal fawl ta’ Malano fuq Yuri Messias, iżda r-referee Philip Farrugia ħalla l-logħob għaddej. Valletta marru qrib it-tieni gowl tliet minuti wara, bi kross ta’ Pena Beltre lejn Albert Prosa, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu spiċċat fuq il-lasta.
Fl-aħħar minuti, Naxxar poġġew aktar pressjoni fuq id-difiża Beltija, iżda ma ħolqux azzjonijiet perikolużi, b’Valletta jirnexxielhom jikkontrollaw sal-aħħar.
//= $special ?>