Is-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni ħabbret li l-Airshow Internazzjonali ta’ Malta din is-sena mhix se ssir.
L-aħbar toħroġ wara li fi tmiem l-ispettaklu tas-sena li għaddiet, is-Soċjetà kitbet tinforma lill-Ministru tat-Turiżmu biex titlob gwida u impenn għall-edizzjonijiet li jmiss tal-Airshow. Fl-aħħar jiem intbagħtet korrispondenza oħra, madankollu din ukoll ġiet injorata.
“Is-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni ma fadliliex għala oħra ħlief li tabbanduna kull preparazzjoni li hemm bżonn biex l-Airshow din is-sena ma ssirx,” tiddikjara stqarrija tas-Soċjetà.
Is-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni qed titlob lill-Gvern li finanzjarjament isostni l-airshow wara li sofriet telf ta’ dħul meta l-ispettaklu ċċaqlaq mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, kif kien isir qabel.
Fl-istqarrija jingħad li s-Soċjet Maltija tal-Avjazzjoni hi diżappuntata li, minkejja 25 sena ta’ spettaklu rikonoxxut lokalment kif ukoll fuq livell internazzjonali, il-Gvern ma ħassx lanqas li kien jistħoqqilha rikonoxximent, risposta jew inkella stedina għad-diskussjonijiet mal-ministru responsabbli mit-turimu u l-avjazzjoni, Konrad Mizzi.
Jirriżulta li anke jekk issa, il-Gvern jitlob li ssir din il-laqgħa, ma fadalx biżżejjed żmien biex l-airshow issir għaliex hemm bżonn ferm iktar minn tmien xhur ta’ preparazzjoni qabel il-wasla tal-ajruplani.
“Is-Soċjetà Maltija tal-Avjazzjoni tittama li jkun hemm il-kundizzjonijiet ġusti biex tiġi organizzata edizzjoni oħra tal-Airshow Internazzjonali ta’ Malta fl-2019,” ittemm l-istqarrija.
//= $special ?>