Internazzjonali

L-Iran jaħlef tpattija għal sanzjonijiet mill-Istati Uniti

L-Ogħla Tmexxija tal-Iran qalet li l-Istati Uniti ‘qabżet linja ħamra’ bl-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet għall-Ayatollah Sadeq Amoli-Larijani, li jmexxi lill-ġudikatura Iranjana. Il-Ministeru Iranjan għall-Affarijiet Barranin, intant, ħalef ‘ritaljazzjoni’ għalkemm ma qalx x’tip ta’ azzjoni jista’ jieħu.

L-Iran ċaħad ukoll għal kwalunkwe bidliet fil-ftehim nukleari li laħaq, snin ilu, mal-potenzi tal-Punent. Dan meta l-President Amerikan, Donald Trump għadu kemm qal li kien qed jestendi s-sospensjoni (b’riżultat tal-ftehim storiku)  tas-sanzjonijiet preċedenti imposti fuq l-Iran għall-aħħar darba.

L-Istati Uniti, intant, imponiet sanzjonijiet ġodda għal 14 il-individwu u entità Iranjani għal allegati abbużi tad-drittijiet. Fl-istess ħin, Trump qal li qed jagħti lill-Ewropa u l-Istati Uniti ‘l-aħħar ċans biex jirranġaw id-difetti kbar’ fil-ftehim dwar in-nukleari li ffirmaw l-Iran u sitt potenzi tad-dinja, fl-2015.

It-Teżor tal-Istati Uniti ħarġet stqarrija li l-Ayatollah Amoli-Larijani kien responsabbli ‘għat-tortura u trattament degradanti ta’ priġunieri fl-Iran’. L-istess Amoli-Larijani kien sejjaħ għal miżuri iebsa fil-konfront tad-dimostranti li ħadu sehem fl-aħħar protesti kontra l-Gvern ta’ Tehran fl-ibliet Iranjani.

Sadanittant, il-Ministeru Iranjan għall-Affarijiet Barranin immexxi minn Mohammad Javad Zarif, tkellem dwar ‘azzjoni ostili (kontra Larijani) mill-Istati Uniti’ u tenna li din ‘twassal żgur għal reazzjoni serja mingħand ir-Repubblika Iżlamika’. Il-Ministeru Iranjan akkuża lil Donald Trump dwar ‘ir-ripetizzjoni ta’ theddid li fallew diversi drabi’.