Internazzjonali

Misteru dwar attakki fuq il-knejjes fiċ-Ċile

Ma kenux identifikati individwi jew gruppi li spiċċaw jattakkaw u jivvandalizzaw diversi knejjes fiċ-Ċile, meta l-Papa Franġisku qed iħejji biex iżur dan il-pajjiż Latin Amerikan, il-ġimgħa d-dieħla.

Tliet knejjes fil-kapitali Santiago ġarrbu l-ħsarat wara li twaddbulhom il-bombi tan-nar, bl-aggressuri anonimi jħallu wkoll ċirkulari bil-messaġġ li ‘l-attakk ( simili) li jmiss għandu jkun dirett għall-Papa’.

Il-President taċ-Ċile, Michelle Bachelet, fissret l-inċidenti bħala ‘strambi ħafna’ u sostniet li l-attakki ma jistgħux ikunu konnessi ma’ xi entità jew persuni partikulari.

Ħadd ma spiċċa arrestat b’konnessjoni mal-azzjonijiet partikulari li ma ħallewx il-midruba. Intant, il-Vatikan ma kkummentax dwar l-attakki fuq il-knejjes.

Il-Papa Franġisku qed jagħti priorità lill-mogħdrija u appoġġ lill-immigranti, u nota speċifika li  tħalliet qrib waħda mill-knejjes attakkati ilmentat li ‘kien ikun aħjar kieku l-ispiża taż-żjara tal-Papa fiċ-Ċile spiċċat investita fil-foqra’.