Lokali

RITRATTI: Misteru dwar għadajjar bid-demm fil-Ħamrun

Misteru dwar x’seta’ ġara bejn ilbieraħ u dalgħodu fi Triq Mile End, biswit il-grawnd Victor Tedesco ta’ Ħamrun Spartans.

Dan hekk kif matul il-bankina man-naħa l-oħra tat-triq, jiġifieri mal-ġenb tal-iskola Marija Reġina, dalgħodu hemm għadajjar u qtar tad-demm. It-traċċi tad-demm jidhru għal tul sew minn din il-bankina sakemm jieqfu f’daqqa.

Madankollu, meta Net News għamel kuntatt mal-Pulizija, ir-risposta kienet li ma daħal l-ebda rapport ta’ xi inċident jew ġlieda fiż-żona. Għalhekk jibqa’ l-misteru dwar x’seta’ ġara f’żona tant frekwentata minn tant vetturi u persuni.

Iktar tard mal-ġurnata, wara r-rapport ta’ Net News, fuq il-post intbagħtu uffiċjali tal-Pulizija, inkluż dawk mis-sezzjoni tal-Investigazzjonijiet Kriminali, li dehru jfittxu fiż-żona biex jippruvaw jifhmu x’seta’ ġara.