Futbol Sport

Barcelona jirbħu wara li rkupraw żewġ gowls

Lionel Messi f'azzjoni tipika tiegħu (Ritratt: EPA)

Barcelona regġħu jinsabu disa’ punti vantaġġ fil-quċċata tal-La Liga wara li rkupraw minn żewġ gowls minn taħt biex għelbu barra minn darhom lil Real Sociedad 4-2.

Real Sociedad marru fil-vantaġġ fil-11-il minuta b’daqqa ta’ ras tajba ta’ Willian Jose wara kross mil-lemin. Huma rduppjaw fl-34 minuta b’xutt mill-kaxxa ta’ Juanmi Jimenez li kien imxellef minn Sergio Roberto u qarraq b’ter Stegen.

Reazzjoni immedjata ta’ Barcelona li ħames minuti wara naqsu l-marġni bi kross mix-xellug ta’ Luis Suarez li sab għan-nofs lil Paulinho li kompla għal ġewwa. Barcelona ġabu d-draw fil-50 minuta meta Lionel Messi qassam lejn Luis Suarez li qabbeż bi preċiżjoni għar-rokna fuq Geronimo Rulli.

L-attakkant reġa’ skorja fil-71 minuta meta għeleb in-nasba tal-offside wara daqqa ta’ ras minn nofs il-grawnd, u b’xutt tajjeb minn qagħda ideali, poġġa lil Barcelona minn fuq għall-ewwel darba. Il-Katalani għalqu l-logħba fil-85 minuta bi free-kick mid-distanza ta’ Lionel Messi li ħalla lil Rulli jħares.