Lokali

Daphne Caruana Galizia kellha d-dokumenti tal-Egrant qabel ma tkellmet mal-Whistleblower Russa

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li proprju jumejn oħra tagħlaq 3 xhur mejta, kellha diġà fil-pussess tagħha dokument li allegatament kien ta’ evidenza li l-kumpanija Egrant fil-Panama kienet tal-mara tal-Prim Minsitru Michelle Muscat, qabel ma’ saret taf personalment lil Maria Efimova.

Dan kollu sar magħruf wara li l-ex impjegata ta’ Pilatus Bank kellha intervista ma Manuel Delia.

Hija sostniet li l-ewwel darba li ltaqgħet mal-blogger, Caruana Galizia diġà kellha kopji tad-dokumenti – tant hu hekk li staqsietha jekk kienux veritjieri u jekk rathomx, bil-whistleblower tirrispondiha darbtejn fil-pożittiv.

Filwaqt li faħħret il-professjonalità li kienet taħdem biha Daphne Caruana Galizia, hija spjegat li kelmitha l-ewwel darba lura f’Ottubru tal-2016 permezz ta’ e-mail madanakollu reġgħet ikkorrispondiet magħha fi Frar ta’ wara sabiex imbgħad, kompliet tispjega r-Russa, li ltaqgħet magħha wiċċ imb’wiċċ f’Marzu…xahrejn qabel ma Caruana Galizia ppublikat l-informazzjoni dwar Egrant u Michelle Muscat.

Skont dak kollu li sar magħruf allegatament l-kont li kellha l-kumpanija Egrant f’Dubaj kien rċieva diversi ħlasijiet, fosthom dak ta’ $1 miljun – minn kont minn Pilatus Bank ta’ kumpanija li sidha kienet Leyla Aliyeva, it-tifla tad-dittatur Ażeri, Ilham Aliyev.

Il-Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat kemm-il darba ċaħad dawn l-allegazzjonijiet hekk kif iddeskriva din l-istorja bħala l-akbar gidba fl-istorja politika ta’ Malta u wiegħed, mal-bosta wegħdiet li għamel, li jekk mill-inkjesta maġisterjali toħroġ nitfa ta’ prova huwa jirreżenja minnufih.

Intant, Efimova tkellmet ma’ kumitat speċjali mibgħut mill-Unjoni Ewropea wara l-mewt tal-blogger, fejn saħqet li hija ma kinetx is-sors oriġinali ta’ Daphne Caruana Galizia dwar l-istorja tal-Egrant. Għal dan il-kumment mill-ewwel Joseph Muscat wasal għal konklużjoni li dan ifisser li Efimova ma kienet l-ebda sors u għaldaqstant kienet kollha kemm hi fabbrikazzjoni.

Madanakollu l-ex impjegata ta’ Pilatus Bank tgħat x’tifhem bl-aktar mod ċar li hemm persuna importanti fl-istorja li s’issa baqgħet mistura tul dan iż-żmien kollu, iżda huwa fatt li Efimova kkonfermat li m’għandha l-ebda dokument fil-pussess tagħha li tipprova u ssaħħaħ l-allegazzjonijiet li qed isiru.

Iżda, bħal ma jafu dawk kollha li kienu jsegwu l-blogg ta’ Daphne Caruana Galizia, hija kienet sostniet meta ppublikat transcript tad-dokumenti, li d-dokument oriġinali kien ġie scanned u mistur fil-‘cloud’ minħabba miżuri ta’ sigurtà.