Fil-Kabinett tal-Gvern ta’ Joseph Muscat magħmul minn 14-il Ministru u disa’ Segretarji Parlamentari, hemm min qed jimmanuvra b’ħafna saħħa bl-iskop li meta l-Prim Ministru Joseph Muscat iħabbar reshuffle fil-Kabinett il-ġdid minn hawn u ftit tal-ġimgħat oħra biss, dawn ikunu mhux biss mill-ġdid fil-Kabinett, iżda jkunu f’qagħda aħjar li tagħtihom aktar poter u saħħa.
Edward Zammit Lewis għal flok Manuel Mallia
Fil-gazzetta il-mument ġie żvelat li pressjoni kbira qed issir minn Edward Zammit Lewis, ħabib personali tal-familja Muscat, l-aktar tal-Prim Ministru, u fdat ukoll mill-istess familja. Dawk qrib Zammit Lewis iħossu li Joseph Muscat għandu jerġa’ jdaħħlu fil-Kabinett, għalkemm ma jgawdix xi relazzjoni speċjali jew appoġġ minn Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru li għandu influwenza qawwija fid-deċiżjonijiet, li jittieħdu fuq livell ta’ Gvern.
Sorsi li tkellmu ma’ il-mument qalu li dawk li huma qrib Edward Zammit Lewis għadhom ma jistgħux jifhmu kif sa issa għadu ma sarx parti mill-Kabinett ta’ Joseph Muscat. Is-sorsi żiedu li ta’ inkwiet kbir għal Edward Zammit Lewis hu li kemm-il darba Joseph Muscat iwarrab minn Prim Ministru, iċ-ċansijiet għalih li jerġa’ jkun fil-Kabinett jitnaqqsulu bil-bosta.
Xhieda ta’ dan l-inkwiet kien id-diskors li Edward Zammit Lewis għamel fil-Każin Laburista tal-Imġarr fis-17 ta’ Diċembru li għadda, meta għamel eloġju sħiħ lill-Prim Ministru. Dakinhar kien qal li: “Minn qalbi Prim, ngħidlek grazzi tas-sena li tajtna. Sena kollha sodisfazzjonijiet fejn irbaħna l-elezzjoni ġenerali u rridu nibqgħu, bis-saħħa ta’ Joseph Muscat, qisna r-Real Madrid!”
Dak id-diskors inftiehem tajjeb mhux biss mill-Kitchen Cabinett ta’ Joseph Muscat, iżda wkoll minn dawk kollha fil-Kabinett eżistenti fejn Edward Zammit Lewis qed jagħmel minn kollox biex jerġa’ jsib postu. Jidher li l-mira hi li mhux biss jidħol lura fil-Kabinett.
Il-Ministru Konrad Mizzi jrid f’idejh is-settur tal-enerġija ukoll
Qed jimmanuvra wkoll il-Ministru Konrad Mizzi li huwa ffaċċjat bi pressjoni biex jitwarrab, wara l-iskandlu tal-“Panama Papers”. Meta xahar ilu Joe Mizzi, il-Ministru għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma, naqas biex jiddefendi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-fatt li l-Electrogas naqset milli tipprovdi d-dokumentazzjoni meħtieġa biex turi li ggarantiet finanzjament fit-tul, Konrad Mizzi, il-Ministru għat-Turiżmu u r-rijorganizzazzjoni tal-Air Malta, mill-ewwel daħal b’ruħu u b’ġismu biex saħansitra indirizza konferenza stampa hu, meta l-enerġija m’għadhiex id-dekasteru tiegħu.
Dakinhar, xahar ilu, il-Ministru Konrad Mizzi tkellem b’awtorità qawwija biex ipprova jxejjen dak li pprova jqanqal uffiċjal għoli tal-Ministeru tal-Finanzi f’Settembru ta’ qabel, meta qanqal tħassib dwar nuqqas serju mill-Electrogas fit-termini tal-ftehim ta’ self ta’ €450 miljun, li hu garantit mill-garanzija multimiljunarja tal-Gvern. Konrad Mizzi kien qal li l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea kienet se twassal biex il-garanzija bankarja ta’ €360 miljun tkun irtirata. Il-Gvern għamel ukoll ftehim biex jixtri l-“Electrogas”, jekk is-sigurtà tal-ftehim ma tkunx approvata.
Iżda wara din il-manuvra kollha, sorsi fil-Partit Laburista li tkellmu ma’ il-mument, qalu li l-messaġġ mibgħut kien li l-Ministru Konrad Mizzi lest li kif kellu fil-leġiżlatura li għaddiet, hekk ukoll issa jerġa’ jispiċċa super-minister u mal-oqsma li diġà għandu (it-Turiżmu u l-“Air Malta”), ikollu wkoll l-enerġija.
L-oqsma tal-enerġija u l-ilma bħalissa qegħdin jitmexxew mit-tekniċi fiż-żewġ setturi rispettivi għaliex il-Ministru Joe Mizzi huwa nieqes sew minn esperjenza ministerjali adegwata fejn jidħlu dawn l-oqsma, u għaldaqstant irid kontinwament joqgħod fuq l-esperti u jwassal biss il-linja politika kif indikata lilu mill-kollegi fil-Kabinett tal-Ministri.
Mhux magħruf jekk il-Ministru Konrad Mizzi, li hu ferm qrib tal-Prim Ministru Joseph Muscat u kulħadd jaf kemm tal-aħħar ħareġ għonqu għalih fl-iskandlu tal-“Panama Papers”, minkejja kundanni lokali u f’istituzzjonijiet Ewropej b’sejħiet għar-riżenji, għandux hu wkoll l-ambizzjoni li darba Joseph Muscat iwarrab mit-tmun tal-Gvern u tal-Partit; allura jsib ix-xoqqa f’moxtha u jikkontesta għal din il-kariga.
Għalkemm fil-Partit Laburista, Konrad Mizzi jgawdi ċertu popolarità għalkemm ferm inqas minn ftit tas-snin ilu, dawk ta’ madwaru jisħqu li għandu jibqa’ jimbotta biex jerġa’ jibda jitqies super-minister, minħabba li diġà hemm ħaddieħor b’dekasteru daqstant kbir. Dan b’referenza ċara għal Ian Borg.
Ian Borg jibqa’ jilgħab il-logħba politika
Il-Ministru Ian Borg ukoll għandu aspirazzjonijiet politiċi kbar, kemm għat-tmexxija tal-Partit Laburista u sussegwentement għall-ogħla kariga fit-tmexxija tal-Gvern, dik okkupata minn Joseph Muscat.
Sorsi fil-Partit Laburista qalu lil il-mument, li Ian Borg qiegħed ikompli jilgħab logħba intelliġenti ħafna. L-istess sorsi żiedu li wara l-artiklu ta’ nhar il-Ħamis li għadda fil-ġurnal In-Nazzjon, ir-reazzjoni ta’ Ian Borg kienet kawta ħafna u saħansitra pprova jikkalma l-ilmijiet ta’ madwaru.
Li ma jridx Ian Borg hu li jkun hemm xi ħadd minn ta’ madwaru li tikbirlu rasu minn issa, sempliċement għaliex jaħdem qrib tiegħu, u dan iwassal biex issirlu ħsara politika kbira kif ukoll ħsara fid-dehra tiegħu ta’ wieħed baħbuħ.
Minn Kastilja jimbottaw lil Robert Abela
Is-super-minister Ian Borg huwa konxju li għalkemm ma’ ta’ Kastilja m’għandux relazzjoni ħażina, minn Kastilja stess hemm min qiegħed jimbotta biex wiċċ ġdid fil-Kabinett il-ġdid ikun Robert Abela.
Diġà fil-ġimgħat li għaddew, dil-gazzetta rrappurtat dwar ir-relazzjoni “ta’ gwerra bierda” bejn dawn: Ian Borg u Robert Abela. Sorsi fil-Partit Laburista qalu lil il-mument, li Robert Abela ma jistax jaħfirha lil Ian Borg kif kien hu biss li wieġeb għal ċerti Mistoqsijiet Parlamentari dwar il-kuntratti tiegħu ta’ eluf ta’ ewro mogħtija minn entitajiet tal-Gvern, filwaqt li kollegi oħrajn fil-Kabinett qagħdu pass lura.
Robert Abela kien ħareġ li minbarra li huwa Konsulent tal-Prim Ministru, għandu konsulenzi oħra mingħand Transport Malta, l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Ministeru tat-Turiżmu.
Robert Abela u martu Lydia, huma viċin ħafna tal-Prim Ministru Joseph Muscat. Il-fatt li l-Prim Ministru għażlu bħala Konsulent Legali tiegħu f’Kastilja fih ħafna x’tomgħod. Martu Lydia għandha rwol importanti ħafna fit-tellieqa ta’ żewġha għall-post fil-Kabinett fejn il-probabbiltà l-kbira hi li d-dekasteru idoneu għalih ikun dak tal-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali fejn il-Ministru attwali, Michael Farrugia, ma qabadx art, u fejn żvolġew diversi skandli u żieda kbira fil-kriminalità organizzata. Filwaqt li mhux jassumi l-kolpa għad-disfatta fil-Korp tal-Pulizija, id-diżastru fil-Ħabs u l-inġustizzji fl-Armata bla kap u bla kuda, Michael Farrugia qed ikompli jsostni li postu hu f’dekasteri oħrajn, bħalma kellu fl-imgħoddi.
Manuvri u taqlib ieħor
Sitwazzjoni oħra li qed tiżviluppa tirrigwarda lil Deo Debattista, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Valletta 2018, li ta’ madwaru jiftaħru li qed jagħmel biċċa xogħol sublimi għall-aħħar. Għan-nies ta’ madwaru, Debattista jimmeritah li jkun promoss għal Ministru u fost ir-responsabbiltajiet li potenzjalment qed jissemmew għalih, hemm dawk merfugħa minn Josè Herrera: l-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima. Il-mistoqsija hija dwar x’se jiġri minn Herrera, li sorsi fil-Partit Laburista jikkonfermaw li ma jgawdix xi relazzjoni speċjali mat-tmexxija attwali.
Taqlib ieħor li qed iħalli effetti negattivi fuq Għawdex huwa l-ġlied bejn in-nies tal-Ministru Justyne Caruana u dawk tal-eks Ministru ta’ Għawdex Anton Refalo. Justyne Caruana qed togħxa tagħmel l-għażliet tagħha f’Għawdex. Dan b’konsegwenza li dawk li gawdew taħt l-eks Ministru Anton Refalo, qed jingħataw il-ġenb u dan qed iġib ġlied kbir.
L-għażliet ta’ Muscat
F’dan ix-xenarju kollu, Joseph Muscat, jiġri x’jiġri wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Lokali, qed ikompli jinsisti li hu jwarrab bl-unuri mill-karigi ta’ Prim Ministru u ta’ Mexxej tal-Partit Laburista, u warajh iħalli fi ħdan il-Partit Laburista, problemi mill-inqas.
Dan kollu fi sfond li minn issa, hemm min fi ħdan il-Kabinett tiegħu, li lest li jagħmel minn kollox biex it-tellieqa finali għall-ħatra ta’ mexxej Laburista jeħodha hu; bidla li magħha mhux eskluż ukoll li ġġib bidliet fit-tmexxija kollha tal-Partit Laburista, anki fl-isfond li lejn il-Ministru Chris Cardona hemm oppożizzjoni kbira li hu jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-Partit Laburista.
//= $special ?>