“Aħna ma nistgħux nifhmu kif b’daqqa ta’ pinna tkeċċejna ‘l barra bla kliem u bla sliem u bla ma ħadd kellu d-deċenza li jiltaqa’ magħna u jispjegalna s-sitwazzjoni veritiera x’inhi. Aħna lkoll kellna l-impenji tagħna u saħansitra wħud minna huma għalliema (professuri) barranin li ġew Malta bil-familja u ssetiljaw hawnhekk minħabba din l-American University of Malta. U issa sibna l-bibien magħluqa f’wiċċna.”
Din id-dikjarazzjoni għamluha ma’ il-mument żewġ eksgħalliema tal-American University of Malta (AUM) li bla kliem u bla sliem kienu mgħarrfa li tkeċċew u li ġew marbuta wkoll biex ma jitkellmu ma’ ħadd.
Studenti ma tfaċċawx
“Is-suspett kbir tagħna hu li t-Tmexxija ta’ din l-American University of Malta ma għandha l-ebda kredenzjali jew idea ta’ kif titmexxa università serja jew ta’ x’jirrikjedi s-suq fl-edukazzjoni.”
Dawn l-eksgħalliema wrew ukoll is-suspetti tagħhom dwar il-proċess kollu li kien se jintuża u li suppost kellu jwassal fl-għoti tad-degrees u ċ-ċertifikazzjoni.
“Għal xi raġuni misterjuża, jidher li falla kollox, għaliex fl-Università kien hemm biss ftit studenti… xi għaxra milli suppost rebħu scholarship mill-Gvern Malti, studenti oħrajn li kienu diġà fis-suq Malti u qalbu għal ma’ din l-Università għaliex ingħataw prezzijiet redikoli minn dawk li kienu jħallsu qabel, u ftit oħrajn li ġabiethom l-Università… u dan kollu meta oriġinarjament konna mwiegħda li din l-Università kienet se tattira lejha mal-4,000 student u studenta li kienu mistennija japplikaw fuq medda ta’ tlett snin.”
Dawn iż-żewġ għalliema żiedu li ftit ftit bdew jindunaw li l-affarijiet ma kenux sejrin kif kien wieħed jixtieq għaliex studenti ma bdewx jitfaċċaw. “Saru miri għal ċertu ammonti ta’ studenti u dawk l-ammonti ma kenux qed jintlaħqu. Riedu wkoll li jattakkaw is-suq Malti fejn diġà hawn diversi skejjel privati li jattiraw studenti barranin billi lil dawn jagħtuhom prezzijiet orħos għal dak li kienu diġà qed iħallsu għall-korsijiet li kienu qed isegwu f’pajjiżna.”
Dawn l-għalliema komplew li finalment spiċċaw b’madwar tletin student biss… “xi għaxra milli suppost ħadu scholarship mogħti mill-Gvern Malti u tajjeb li jkun il-Gvern Malti stess li jgħid lil min ta dawn l-ischolarships; oħrajn ‘misruqa’ mis-suq lokali lil skejjel privati oħrajn; u xi studenti oħrajn.”
Letturi migduma
Huma komplew ifissru: “dawn bdew iħaddmu għadd ta’ għalliema Maltin u anki barranin li wħud minnhom ħallew l-impjieg li kellhom fejn kienu qed jgħallmu biex jibdew iservu hawnhekk. Uħud minn dawn ġew saħansitra bil-familji tagħhom… iva bit-tfal u riedu jsibu skola adatta għall-istess tfal biex jissetiljaw f’Malta… Mhux biss… iżda kien hawn ukoll għalliema barranin li biex issetiljaw f’Malta krew fit-tul biex ħadu kirjiet orħos u issa spiċċaw barra minn din l-Università bil-problemi kollha li sitwazzjoni bħal din iġġib magħha. Żgur li dan ma hux trattament tajjeb. Ħadd ma għandu jitratta lil xi ħadd b’dan il-mod li l-ewwel iwebblu u jurih l-ilma jiżfejn u mbagħad darba jissetilja f’post ġdid tax-xogħol isib ruħu barra u ma jafx fejn se jagħti rasu.”
Huma qalu wkoll li din is-sitwazzjoni tapplika wkoll għall-għalliema Maltin li ngdimu waħda sew. “Fil-jiem ta’ qabel il-Milied saħansitra nirċievu ittra personalizzata tagħtina l-aħbar li minn wara l-vaganzi tal-Milied… nibqgħu bil-‘vaganzi’… jiġifieri ma nirritornawx lejn l-Università.”
Suspett fuq l-interessi tal-Grupp Sadeen
Dawn l-għalliema allegaw li t-Tmexxija tal-American University of Malta, li tifforma parti mill-Grupp Sadeen, aktar moħħha fil-proprjetà milli fit-tmexxija edukattiva tal-Università.
“Aħna għandna l-impressjoni li dawn moħħhom kif se jakkwistaw aktar bini u aktar faċilitajiet ta’ infrastruttura u flus għal dan l-iskop jidher li għandhom. Imma mbagħad fejn tidħol l-edukazzjoni ma għandhomx idea u wisq inqas għandhom flus x’jinvestu.”
Huma komplew li l-Grupp Sadeen, minkejja dan il-falliment kollu għaliex studenti mhux qed ikunu attirati lejn din l-Università, qed ikompli jinsisti għal aktar estensjonijiet u tkabbir fil-binja eżistenti.
Huma komplew li l-mudell finanzjarju applikat f’Malta fil-ġestjoni tal-American University of Malta hu kompletament żbaljat u ħażin.
Iż-żewġ għalliema staqsew x’inhu l-interess tal-Gvern u tal-Prim Ministru Joseph Muscat direttament f’din il-matassa kollha meta kollox jirrimarka skorrett u ħażin.
“Aħna nippretendu u nistennew li b’din l-istorja kollha – li sa mill-bidu nett telqet fuq premessi żlugati – il-Gvern ifittex immedjatament li din il-kwistjoni jaqtagħlha rasha għaliex f’diversi istanzi l-Grupp Sadeen qed jirriżulta bl-aktar mod ċar li ma hux jonora l-kuntratt li ffirma mal-Gvern Malti.
“Il-Gvern għandu kull obbligu li jieħu azzjoni immedjata inkella fil-qasam tal-edukazzjoni terzjarja, preċiżament fil-livell Universitarju, pajjiżna se jieħu timbru ikrah ħafna. L-American University of Malta żgarrat bl-ikrah meta falliet fil-miri dwar l-għadd ta’ studenti li kellha tattira… u issa qattgħet il-karti mal-korp tal-għalliema billi keċċiet l-għalliema li kellha bħal f’sajjetta fil-bnazzi. Dawn huma kollha affarijiet li ma jagħmlux sens. Aħna li doqna ftit minn din l-esperjenza qarsa bejnietna qed nistaqsu b’mod ripetittiv dwar is-segretezza u l-ħafna ħabi li l-Grupp Sadeen geżwer kemm ilu Malta. Ħafna ħabi. Ħafna firem ta’ karti. Ħafna twissijiet lilna l-għalliema biex ma nitkellmu ma’ ħadd dwar xejn x’ġara hemm ġew… għax inkella jieħdu passi legali kontra tagħna… għamlulna sarima ma’ ħalqna… u dan fih innifsu mhux ukoll turija ċara ta’ biża’ u imġiba xejn serena?”
Dwar x’inhi s-sitwazzjoni attwali, iż-żewġ għalliema fissru li fil-binja allokata f’Baċir Numru Wieħed għadhom għaddejjin xogħlijiet infrastrutturali, u qed jattendu xi ftit studenti.
//= $special ?>