Lokali

Ħaddiema Ukreni perplessi kif ma tressaq ħadd il-Qorti

Id-daħla għat-taqsima tad-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali, fejn hemm ukoll il-lock-up tal-Pulizija (Ritratt: Matthew Tabone)
Ukren jitkellem mal-gazzetta il-mument u juri rabja kbira mhux biss għal min daħħlu f’din il-kobba mħabbla billi wiegħdu x-xogħol f’Malta u kuntratt favorevoli li qatt ma kien iffirmat, iżda jitħasseb dwar għaliex il-Pulizija Maltija għadha sal-lum ma ressqet lil ħadd il-Qorti minkejja li hu u bosta oħrajn migduma tkellmu ċar mal-Pulizija

Ftit jiem qabel il-Milied li għadda l-Gvern, fi stqarrija uffiċjali mid-Dipartiment għall-Informazzjoni, kien ħabbar li kien tkisser ċirku ta’ traffikar ta’ ħaddiema lejn Malta.

Dakinhar kien ħabbar li 23 persuna qed jiġu interrogati mill-Pulizija, hekk kif instab li lkoll kienu involuti f’operazzjonijiet ta’ traffikar ta’ persuni. Dawn kienu ħaddiema Ukreni – irġiel u nisa – li kienu mwiegħda xogħol varju f’Malta b’kundizzjonijiet vantaġġużi u li darba kienu se jaslu Malta, kienu se jiffirmaw kuntratt tajjeb ta’ xogħol mal-kumpanija li kienet se tħaddimhom.

Madankollu, il-gazzetta il-mument illum qed tirraporta li dawn il-ħaddiema Ukreni, għalkemm mill-ewwel f’Malta kienu murija l-postijiet tax-xogħol il-ġdid tagħhom, mhux biss qatt ma ssejħu biex jiffirmaw xi tip ta’ kuntratt ta’ xogħol, talli l-kundizzjonijiet ta’ xogħol li sabu ruħhom fihom – fosthom f’ristoranti u fi ħwienet oħrajn tad-divertiment – kienu ferm ’il bogħod minn dawk imwiegħda lilhom f’pajjiżhom.

L-Ukren li tkellem ma’ il-mument qal li sadattant huma lkoll qed jinżammu f’Malta fi djar (shelters) tal-Gvern sakemm is-sitwazzjoni tkun riżolta, “iżda sa issa ma rġajna smajna xejn mingħand il-Pulizija u fl-istess waqt nafu li l-persuni indikati lill-Pulizija Maltija – fosthom raġel Malti u l-mara tiegħu Ukrena, involuti f’dan iċ-ċirku ta’ traffikar tan-nies – baqgħu ma tressqux il-Qorti.

Hu żied jgħid li hemm il-futur tagħhom fin-nofs u kull jum li qed jgħaddu f’Malta, hu moħli għaliex f’dan il-kwadru ta’ sitwazzjoni jippreferu li jerġgħu jmorru lura f’pajjiżhom biex jibdew ħajja ġdida hemmhekk wara t-trawma li għaddew minnha minħabba li emmnu li hawnhekk setgħu jaqilgħu flus tajba u jgħixu ħajja ferm aħjar milli jgħixu f’pajjiżhom.

Hu kompla li wħud minnhom huma kkwalifikati fl-industrija tal-ikel u t-tħejjijiet tal-ikel għal ristoranti u dawn għamlu biss il-pass li jiġu Malta għaliex ġew imwiegħda kundizzjonijiet ta’ xogħol tajba ħafna, “meta mbagħad sibna li kienu daħku bina waħda kbira. Issa ninsabu f’sitwazzjoni fejn ma nafux x’se nagħmlu għalkemm hawn minna li diġà għamlu kuntatti ġodda huma biex jibdew jaħdmu f’Malta f’xi stabbiliment tal-ikel.”

Waħda mir-raġunijiet, kompla l-Ukren li tkellem ma’ il-mument, li wasslet lil uħud minnhom biex jippruvaw jiġu jaħdmu f’Malta hi li hawnhekk kienu mwiegħda li se jkollhom salarju tajjeb u għalhekk parti minn dak huma kienu se jibagħtuh lill-familja tagħhom f’pajjiżhom biex hekk jgħixu kwalità ta’ ħajja aħjar.

Hu qal li huma lkoll daħlu f’Malta bil-mezzi li tipprovdi l-liġi, fis-sens li kollha kellhom dokumenti ġenwini u għalhekk f’pajjiżna huma daħlu b’mod leġittimu, iżda mbagħad sabu li fil-verità kienu ddaħħlu f’xibka ta’ ingann li qed tħalli effett negattiv fuq il-ħajja tagħhom.
Hu kompla li fl-investigazzjonijiet li kienet qed tagħmel il-Pulizija Maltija kien hemm involuti wkoll uffiċjali tal-Aġenzija Identity Malta li ħadet ukoll l-informazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minnhom.