“Aħna fl-ebda stadju ma konna infurmati jew ikkonsultati dwar in-negozjati li kienu qed isiru biex l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jingħaddu mingħand il-Vitals Global Healthcare (VGH) għal għand il-Grupp Steward Healthcare. Dwar dan kollu aħna sirna nafu mill-midja u kien wara li kellna laqgħa mal-Ministru Chris Fearne biex jinfurmana li minflok Vitals Global Healthcare issa dawn it-tliet sptarijiet se jgħaddu għand il-Grupp Steward Healthcare.”
Din id-dikjarazzjoni għamilha ma’ il-mument Martin Balzan, is-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) f’intervista estensiva mal-gazzetta il-mument wara li l-MAM talbet investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali u appellat lill-Gvern biex iwaqqaf il-ftehim preżenti u kull tip ta’ ftehim ieħor dwar il-privatizzazzjoni tal-isptarijiet pubbliċi.
“L-iżvilupp li t-tliet sptarijiet jgħaddu għand il-Grupp Steward Healthcare jsegwi l-kuntratt li kien għamel il-Gvern Malti mal-Vitals Global Healthcare, ftehim li kien ħasad lil kulħadd u li kien jaħseb biex l-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jgħaddu għand din il-kumpanija barranija li fil-fatt kien irriżulta li ma kellha l-ebda kredenzjali jew esperjenza fil-qasam tat-tmexxija tal-isptarijiet.
“Invista ta’ dan ix-xenarju kollu, il-MAM, li kemm-il darba stqarret it-tħassib tagħha dwar dan il-ftehim, temmen li għandu jkun hemm l-intervent immedjat tal-Awditur Ġenerali li skont il-mekkaniżmu u l-poteri li tagħtih il-Liġi, jinvestiga bl-aktar serjetà din il-kwistjoni kollha u allura jwaqqaf minnufih il-ftehim preżenti – u jekk hemm, xi ftehimiet oħra li għadhom ma humiex magħrufa – biex hekk titwaqqaf il-privatizzazzjoni ta’ dawn l-isptarijiet tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Riżoluzzjoni mill-MAM
Martin Balzan fisser li fil-bidu ta’ din il-ġimgħa l-Kunsill tal-Assoċjazzjoni tat-Tobba Maltin iltaqa’ u fassal riżoluzzjoni importanti. Din ir-riżoluzzjoni tgħid li Vitals Global Healthcare għandha l-intenzjoni li tbigħ it-tliet sptarijiet li hi kienet daħlet fi ftehim għalihom mal-Gvern Malti permezz ta’ Public Private Partnership (PPP). Dan hu bejgħ li l-Vitals Global Healthcare qed tgħid li se tkun qed tagħmel mal-Grupp Steward Healthcare. Iżda skont il-Vitals Global Healthcare dan il-ftehim għadu fl-istadju tan-negozjati u għadu mhux finalizzat.
Ir-riżoluzzjoni, kompla Martin Balzan, tkompli li l-MAM flimkien mal-UĦM għaliex it-tnejn huma msieħba fil-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Maltin (CMTU), kitbu lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi biex il-kuntratt mal-Vitals Global Healthcare jkun skrutinizzat għal numru ta’ raġunijiet.
Hu kompla li għal dawn ir-raġunijiet validi kollha l-MAM qed titlob lill-Awditur Ġenerali biex bi prijorità u b’immedjatezza janalizza l-ftehim eżistenti u l-konċessjoni attwali u hekk jgħaddi l-opinjoni tiegħu lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi.
Il-MAM qed tappella lill-Ministru tas-Saħħa biex iwaqqaf il-proċess kollu u n-negozjati attwali relatati mal-bejgħ ta’ din il-konċessjoni u dan sakemm l-Awditur Ġenerali u l-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi jagħmlu r-rapporti rispettivi tagħhom.
Martin Balzan kompla li l-MAM appellat ukoll lill-Ministru tal-Finanzi biex f’dan l-istadju jżomm u jwaqqaf kull pagament ta’ ħlas lill-Vitals Global Healthcare sakemm tali rapporti jkunu lesti u jingħatawlu.
Martin Balzan żied li l-Kunsill tal-MAM awtorizza lill-President u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni biex jiktbu lis-Segretarju Permanenti “to correct the various serious deviations from the MAM – Government agreement arising from (Mis) management decisions taken by VGH and authorize the declaration of a dispute unless such irregularities are corrected by the Health Ministry in 10 working days as stipulated by the agreement.”
Martin Balzan temm li l-MAM ma hix biħsiebha tidħol f’xi kontroversja politika dwar il-bejgħ ta’ dawn l-isptarijiet, iżda t-tobba Maltin huma serjament inkwetati u mħassba bis-sitwazzjoni attwali għaliex minn dan il-ftehim mal-Vitals Global Healthcare, is-settur mediku Malti ma hu se jibbenefika assolutament xejn.
Sadattant, Stephen Spiteri, il-Kelliem tal-PN dwar is-Saħħa, qal li l-Oppożizzjoni qed tagħti l-appoġġ sħiħ tagħha lill-Assoċjazzjoni Medika Maltija li qegħda titlob li jitwaqqfu n-negozjati għall-bejgħ ta’ dawn l-isptarijiet sakemm titlesta l-investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali.
Stephen Spiteri kompla li bħall-MAM, il-PN hu mħasseb dwar il-bejgħ bil-moħbi tal-isptarijiet ewlenin u l-konsegwenzi gravi li dan in-negozju qiegħed jistieden.
Filwaqt li fakkar li l-membri f’isem l-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi din il-ġimgħa ressqu talba formali biex l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika jinvestiga t-trasferiment tal-konċessjoni għat-tmexxija tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Stephen Spiteri kompla li l-Gvern wera li għandu x’jaħbi dwar dan id-deal meta ma laqax it-talba tal-Oppożizzjoni biex il-ftehim jiġi diskuss fil-Kumitat Parlamentari għas-Saħħa fejn tista’ ssir diskussjoni mill-istakeholders kollha involuti. Minflok l-Gvern irid diskussjoni biss fil-Plenarja fejn jistgħu jgħidu tagħhom biss id-Deputati.
Dan in-negozju b’valur ta’ ’l fuq minn €2 biljun qiegħed, fl-aħħar mill-aħħar, jiffinanzjah il-poplu bit-taxxi tiegħu. Għalhekk il-Gvern għandu l-obbligu li jiżgura li din in-nefqa qed issir tassew fl-interess pubbliku; sabiex is-sistema tal-kura taqdi l-bżonnijiet tal-familji tagħna, u mhux tan-negozjanti, temm Stephen Spiteri.
//= $special ?>