Lokali

IL-FALLIMENT TAL-UNIVERSITÀ AMERIKANA: M’hemmx lok ta’ aktar żvilupp għal proġett li falla – l-NGO’s

Il-gazzetta il-mument illum kompliet tieħu aktar reazzjonijiet ta’ għaqdiet ambjentali dwar l-aħħar żviluppi marbuta mal-Università Amerikana ta’ Malta. Din il-ġimgħa, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista mmexxija minn Adrian Delia ltaqgħet ma’ għaqdiet ambjentali.

“Proġett mimli mistoqsijiet u kontroversji” – Martin Galea De Giovanni, Friends of the Earth

“Iktar ma tkompli tiżvolgi din l-istorja taż-Żonqor, iktar qed inkomplu naraw kemm hemm bżonn li l-art ODZ ma tintmessx iktar. Nemmnu li wasal iż-żmien li ma jseħħ ebda żvilupp ulterjuri fl-ODZs u li din l-art għandha tkun protetta u sservi bħala wirt għall-poplu Malti. Nifhmu li din il-ġenerazzjoni għandha l-obbligu li tipproteġi dawn is-siti, tirrispetta l-passat tagħna, tirrikonoxxi l-ħtiġiet preżenti, u tgħaddi dan il-patrimonju lill-ġenerazzjonijiet futuri.

“L-aħħar żviluppi ta’ dan il każ, lejlet l-ewwel sena akkademika tagħha, tqajjem numru ta’ mistoqsijiet dwar proġett li kien mifni fil-kontroversja mill-bidu. It-telf ta’ medda kbira ta’ art verġni jkun inaċċettabbli taħt kwalunkwe ċirkostanza, aħseb u ara meta jidher li hu proġett li falla qabel beda.

Iċ-ċittadin, għalhekk, jistħoqqlu tweġiba xierqa għaliex l-art ODZ fiż-Żonqor kienet allokata għall-iżvilupp ta’ mmexxija minn kumpanija li m’għandha l-ebda esperjenza preċedenti fil-qasam tal-edukazzjoni. Taħt ċirkostanzi ordinarji, dawn jistgħu jitqiesu bħala problemi inizjali li kwalunkwe istituzzjoni akkademika tista’ tistenna li tiffaċċja f’din il-fażi. Madankollu, iċ-ċirkostanzi f’dan il-każ jidhru li huma ‘l bogħod ħafna mill-ordinarju. Sfortunatament, huwa evidenti li, sa issa jidher li, ma kien hemm ebda ksur tal-kuntratt u jekk il-gvern kellu jitlob lura l-art fiż-Żonqor, f’dan l-istadju, jista’ jirriżulta f’riperkussjonijiet legali. Min-naħa l-oħra, jekk l-awtoritajiet ikomplu jippermettu l-bini fl-ODZs, inevitabbilment iwasslu għall-urbanizzazzjoni kompleta ta’ dawn il-gżejjer. Huma t-tfal tagħna li se jġorru l-piż tal-attakk attwali fuq l-ispazji ħodor tagħna.

Madankollu, nemmnu li b’xi mod jew ieħor, għandha tinstab soluzzjoni biex dan il-pjan ta’ bini fiż-Żonqor jitwaqqaf u l-art issir parti mill-Park Nazzjonali tal-Inwadar. B’dan il-mod, in-nies tal-lokalitajiet tal-madwar ikunu jistgħu jgawdu dan l-ispazju miftuħ kif mistħoqq.”

M’hemmx ġustifikazzjoni għal aktar żvilupp – Vince Attard, Nature Trust

“L-Għaqda Nature Trust qatt ma kienet kontra l-iżvilupp, sakemm dan ikun sostenibbli. Huma għalhekk li l-għaqda għandha tħassib kbir fuq il-proġett taż-Żonqor fejn se jsir żvilupp f’art in-naħa t’isfel ta’ Malta minn università li, sa issa, jidher li n-numri li ġew proġettati lanqas biss intlaħqu anke biex jiġġustifikaw iktar żvilupp fil-Kottonera. L-iżvilupp fiż-Żonqor ifisser li spazji miftuħin f’parti ta’ Malta, li hija diġà fgata bl-industrija, power station, freeport, fabbriki, eċċ., ħa jkomplu jitnaqqru għas-spejjeż tas-soċjetà u l-ambjent.

Wasal iż-żmien li Malta timplimenta tassew żvilupp sostenibbli, u li awtoritajiet bħall-Awtorità tal-Ippjanar iħarsu dawn il-wirt naturali għall-ġenerazzjonijiet futuri. Malta tibqa’ attraenti għat-turiżmu bl-istorja u l- ambjent uniku, u mhux żvilupp sfrenat. Hi ħasra li dejjem naraw biss gwadann ekonomiku!”