Il-Gvern qed iwettaq stupru tal-gżira Għawdxija. Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attivita’ politika fil-każin tal-Partit Nazzjonalista fir-Rabat, Għawdex.
Fakkar kif l-uniku sptar li għandu Għawdex, għadda għand kumpanija li fi ftit xhur għamlitu flus. Il-Gvern Malti, meta ġie biex jagħti l-isptarijiet tagħna lill-barranin, għaddihom lil kumpanija li qatt ma rat imqar pazjent wieħed.
“L-isptarijiet tagħna għaddihom lil xi ħadd li ma nafux min hu, bla esperjenza fis-saħħa u l-mediċina, għal tletin sena sħaħ ċens, li minnhom damu biss tletin xahar. Agħar minn hekk, il-Gvern għadu sa llum jagħti miljuni fi flus lil Vitals.”
Iżda minkejja dan il-Gvern mhux talli ma ħax azzjoni u kiseb lura l-isptarijiet, issa l-Gvern se jħalli lil min ikompli jisraqna, u mingħajr ma jindaħal, il-Gvern iħalli din il-kumpanija tgħaddi kollox lil kumpanija oħra.
Adrian Delia wiegħed li quddiem dan, l-Oppożizzjoni mhux se tħalli min ikompli jisraqna biss. Iżda mhux bil-kliem biss, għax lesta li tieħu azzjoni. L-istess fl-edukazzjoni, fejn il-Gvern ta l-aqwa art, fosthom iż-Żonqor, lil kumpanija li lanqas imqar kellha siegħa ta’ tagħlim fl-istorja tagħha, minkejja wegħda li l-aqwa universitajiet ġejjin f’Malta. Imma minkejja dan, il-Gvern iħallihom iżommu l-artijiet, fost riskju li issa se jintużaw għal spekulazzjoni.
Adrian Delia tkellem ukoll dwar il-ġustizzja, id-demokrazija u r-rule of law, hekk kif il-Gvern indaħal u għalhekk bdew jitnawru l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna. F’pajjiżna, dak kollu li hu bażi ta’ soċjeta’ normali qed jitkisser u jiddgħajjef.
Gvern li lanqas problemi bażiċi bħat-traffiku, mhux jiġu indirizzati. Gvern li moħħu biex jonfoq 700 miljun ewro biex jirranġa t-toroq, li se jibqgħu kif inhuma iżda lixxi, imma mwaħħla bit-traffiku. Fl-edukazzjoni, lanqas biss fadlilna għalliema biżżejjed biex jgħallmu lit-tfal dak li jeħtieġ għal pajjiżna fil-futur, u l-Gvern jibqa’ ma jagħmel xejn.
Fl-istess waqt, pajjiżna mar minn estrem għall-ieħor, fejn qabel konna nissemmew bħala pajjiż sigur u issa jattakkawna minn kull naħa bħala pajjiż korrott. Quddiem dan kollu, il-poplu Malti u Għawdxi għandu għażla li jew jikkuntenta, inkella jieqaf lil min qed jisraqna u min qed iħalli li dan isir.
Wiegħed ukoll li l-partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem għal Għawdex kif dejjem għamel.
Qabel id-djalogu, il-ġurnata tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista bdiet bi żjara fix-Xagħra, fejn Adrian Delia ltaqa’ ma’ diversi persuni u residenti. Fost l-oħrajn kellu wkoll laqgħa mal-eks membru parlamentari Louis Refalo li serva fil-Parlament bejn l-1981 u l-1996.
Wara d-djalogu imbagħad il-kap tal-Partit Nazzjonalista mexa sal-pjazza tar-Rabat fejn hemm ukoll kellu l-opportunita’ li jiltaqa’ ma diversi persuni li l-Ħadd filgħodu żaru l-belt Għawdxija tar-Rabat.
//= $special ?>