Lokali

IL-KAŻ MARIO TONNA: Indeċiż jitressaqx b’arrest jew b’ċitazzjoni

Għadu mhux magħruf kif l-eks-Assistent Kummissarju Mario Tonna se jitressaq il-Qorti dwar ir-rapport li sar fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Tas-Sliema mill-ekssieħba tiegħu li allegat vjolenza domestika ripetuta fuqha.

Issa li għaddew aktar minn tliet ġimgħat minn dak ir-rapport partikulari żvelat mill-ġurnal in-Nazzjon, s’issa m’hemm xejn uffiċjali jekk Mario Tonna hux se jitressaq il-Qorti b’arrest jew b’sempliċi ċitazzjoni.

Il-Kummissarju tal-Pulizija fi tweġiba kien qal li hu ma jistax jikkummenta dwar dan il-każ minħabba li kien taħt investigazzjoni.

Fizzjali oħrajn fil-Korp tal-Pulizija li tkellmu ma’ il-mument staqsew issa li għaddew bosta jiem x’investigazzjonijiet għadhom qed isiru dwar ir-rapport li sar. Is-soltu meta jidħol rapport bħal dan il-Pulizija taġixxi minnufih… f’dan il-każ x’ġara?

Għaqdiet li jaħdmu fil-kamp tad-drittijiet tan-nisa u kontra l-vjolenza domestika għadhom qed jistennew l-eżitu ta’ dawn l-investigazzjonijiet u jittamaw li l-affarijiet isiru bis-serjetà mill-Korp tal-Pulizija.

Meta kien żvelat il-każ, il-Ministru Michael Farrugia pprova jiddefendi lil Mario Tonna u qal li dan jagħmel sigħat twal ta’ servizz u li wara kollox ir-rapport li sar fil-konfront tiegħu kien irtirat.

Esperti legali li tkellmu ma’ il-mument fissru li hu biss fil-Qorti li tali rapport ex-ufficio jista’ jkun irtirat billi l-parti l-oħra taħfer lill-aggressur tagħha, iżda min-naħa tagħha l-Pulizija ma għandha l-ebda poter li mhux biss ma tinvestigax tali rapporti iżda li saħansitra ma tmurx il-Qorti b’dan il-każ serju u tressaq sensiela ta’ akkużi fil-konfront tal-aggressur.

Tul il-leġiżlazzjoni li għaddiet u saħansitra f’din il-leġiżlazzjoni, Mario Tonna baqa’ jingħata promozzjoni wara oħra.

Intant, il-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa ddikjarat li dan ma hux każ iżolat fil-Korp tal-Pulizija. Il-Fondazzjoni qalet li għandha għadd ta’ allegati każi oħrajn fejn membri fil-Korp tal-Pulizija jabbużaw u jeżerċitaw il-vjolenza domestika fuq il-mara jew fuq is-sieħba tagħhom. il-mument waslitilha informazzjoni partikulari li qed tinvestiga f’dan ir-rigward.

Sadattant, fil-Garaxx tal-Pulizija fejn kien imexxi l-eks-Assistent Kummissarju Mario Tonna feġġet arja pożittiva fejn ix-xogħol jista’ jsir ferm aħjar u b’mod aktar organizzat minn qatt qabel.

Kollegi tal-eks-Assistent Kummissarju Mario Tonna li tkellmu ma’ il-mument fissru li mhux ta’ b’xejn li t-Taqsima tal-Garaxx tal-Pulizija hi fiex inhi u tinsab f’qagħda tassew imwiegħra meta min suppost hu responsabbli minnha kellu prijoritajiet ferm differenti.

“Imma biex niġu fuq saqajna fadlilna x’naqdfu għaliex l-affarijiet hawnhekk kien marru litteralment il-baħar,” qalilna membru li jservi fil-Garaxx u li tkellem magħna dwar diversi affarijiet oħrajn, fosthom dwar ċertu xiri li kien isir u li kien ikun awtorizzat minn fuq.