Kumpanija Maltija qed tilmenta mal-ogħla awtoritajiet Maltin dwar proċeduri rregolari quddiem il-Qrati Maltin wara li kumpanija Taljana ddikjarat li kienet rebħet każ partikulari quddiem il-Qrati Maltin, meta fil-fatt il-proċeduri tas-smigħ ta’ din il-kawża kienu għadhom għaddejjin.
Jirriżulta wkoll li l-istess kumpanija Taljana ftaħret li kienet daħħlet f’din il-kawża s-somma ta’ €205,302.49 bħala effett tal-qtugħ tal-kawża, u dan ukoll meta l-proċeduri tas-smigħ kienu għadhom għaddejjin.
Victor Vella, il-“Commercial Manager” ta’ Valletta “Freight Services Limited”, tkellem fit-tul ma’ il-mument dwar din l-esperjenza qarsa tal-kumpanija Maltija u fisser li l-istess kumpanija issa ilha ż-żmien tilmenta mal-awtoritajiet tal-Pulizija biex jinvestigaw l-allegazzjonijiet tagħha dwar dan il-każ għaliex litteralment hemm xi ħaġa li qed tinten sew.
Dak li ġara f’dan il-każ partikulari hu għalkollox irregolari, u protagonisti f’dan ir-rigward hemm il-Qrati Maltin fejn waqt proċeduri li kienu għaddejjin fis-seħħ quddiemhom, spiċċaw billi l-parti l-oħra, ferm qabel kienu konklużi s-smigħ, ħarġet tiddikjara li mhux biss rebħet l-każ iżda kienet daħħlet is-somma €205,302.49 bħala effett tal-qtugħ tal-kawża.
Victor Vella fisser li l-kumpanija Valletta Freight Services Limited, fid-dawl ta’ dan kollu, lesta li tirrikorri l-każ quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Dan il-każ jinvolvi lill-kumpanija Valletta Freight Services Ltd u kumpanija partikulari Taljana. Il-każ bejniethom ilu għaddej fil-Qrati Maltin għal numru ta’ snin. Il-każ kien is-suġġett ta’ ħafna proċeduri fil-Qorti, fejn il-kumpanija Valletta Freight Services Ltd issostni li mhix debitriċi lejn il-kumpanija Taljana, anzi għall-kuntrarju, hi l-kumpanija Taljana li għandha trodd lura l-flus dovuti lill-kumpanija Maltija.
Waqt li l-proċeduri fil-Qrati kienu għaddejjin, ġraw affarijiet mhux normali. Fatti importanti li, qabel kienu moħbija mill-andament legali, tfaċċaw u meta dawn kienu ġew għall-konoxxenza tal-kumpanija Maltija, il-kumpanija Maltija kellha dubji serji rigward liema direzzjoni kienu se jiżvolġu l-kawżi.
Il-qofol ta’ dan l-argument hu li filwaqt li kienu għadhom għaddejjin il-proċeduri fil-Qorti tal-ewwel stanza, il-kumpanija Taljana kienet stranament u mingħajr ebda spjegazzjoni valida, iddikjarat fl-Audited Financial Statement ta’ sena partikulari, li kienet attwalment rebħet il-kawża quddiem il-Qrati ta’ Malta u li wkoll kienet daħħlet is-somma eżatta ta’ €205,302.49 bħala effett ta’ dan ir-riżultat pożittiv favur tagħha.
Kien b’kumbinazzjoni li l-kumpanija Maltija indunat bl-Audited Accounts tal-kumpanija Taljana (u mhux għaliex hi ppreżentathom fil proċess tal-kawża).
“Aħna ippreżentajniehom quddiem il-Qorti fi stadju aktar tard, wara li għamilna l-verifiki neċessarji, għax dan kien ifisser li l-kumpanija Taljana qatt ma setgħet la tkompli bil-kawża u lanqas titlob il-ħlas tal-istess ammont darbtejn.
“Madankollu, il-Qorti ma tatx l-importanza meħtieġa li din il-prova kien jistħoqqilha u sempliċiment warrbet dawn il-fatti f’żewg sentenzi fil-ġudizzju, u mingħajr ma pprovdiet tagħrif b’mezz ta’ riferenza legali fuqiex il-Qorti kienet ibbażat id-diskrezzjoni tagħha,” sostna Victor Vella.
Fil-kawżi legali kollha, il-partijiet huma obbligati li jpoġġu kull dokument, informazzjoni u provi lill-Qorti biex din tasal għad-deċiżjoni tagħha. Fil-fatt il-liġi tirrikjedi l-verità, il-verità kollha u xejn iżjed ħlief il-verità. Il-parti opposta m’għamlitx hekk u minflok, ħbiet dokumenti importanti fil-forma tal-financial statements għal sena partikulari. F’dan id-dokument pubbliku l-kumpanija Taljana ddikjarat li kienet rebet il-kawża kontra l-kumpanija Maltija Valletta Freight Services Ltd, u dan żmien ferm qabel mal-ewwel sentenza ġiet mogħtija mill-Qorti.
Victor Vella kompla li fl-2014, Valletta Freight Services Ltd tablet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga kif il-kumpanija Taljana kienet iddikjarat li rċeviet il-flus meta l-kawża kienet għadha ma ġietx deċiża, u kif hi kienet ukoll iddikjarat li kienet rebħet il-kawża meta l-Imħallef kien għadu ma laħaqx ħa deċiżjoni fuq l-istess kawża.
Hu kompla li sal-lum, il-Pulizija Maltija għadha ma ħaditx passi biex tinvestiga kif dan seta’ ġara. B’riżultat ta’ dan, il-kumpanija Maltija Valletta Freight Services Limited, issa pproduċiet proċeduri legali ġodda fil-konfront tal-Kummissarju tal-Pulizija u dan minħabba li hu naqas milli jinvestiga bis-serjetà l-informazzjoni miġjuba għall-konnotazzjoni tiegħu.
Hu element sinifikanti u ta’ importanza kbira biex tassigura l-ġustizzja u t-trasparenza, li l-partijiet fi proċess legali jkunu trattati ugwali u sewwa f’termini ta’ korrettezza, u li ebda parti ma jista’ jkollha informazzjoni li rebħet il-kawża konċernata, aħseb u ara li tirreġistra li tkun irċeviet xi pagament, qabel mas-sentenza tingħata mill-Qorti. Sitwazzjoni bħal din tkisser il-qalba ta’ dak kollu li għandu jkun id-dritt tas-sewwa.
Il-kumpanija Maltija temmen li hi l-kumpanija li hi debitriċi tal-kumpanija Maltija, u għaldaqstant il-kumpanija Maltija lesta li saħansitra tmur quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Victor Vella kompla li hu ta’ inkwiet kbir u ta’ tħassib għal kull ċittadin li għandu jkollu dubji dwar dak li hu sewwa fil-proċeduri ġudizzjarji, speċjalment meta waħda mill-partijiet tkun diġà taf bil-fatti li rebħet il-kawża tant żmien qabel ma tkun ingħatat b’mod uffiċjali d-deċiżjoni finali.
“Aħna konvinti li kieku konna nafu b’dawn il-fatti mistura u moħbija, u ippreżentajnihom quddiem il-Qorti tal-Prima Stanza, l-unika triq li kien ikollu l-Imħallef kienet tkun li jxolji l-kawża li kienet għadha fil-proċess, u jordna lill-Awtoritajiet kompetenti biex jagħmlu investigazzjoni kompluta.”
//= $special ?>


