Il-Gvern mistenni jżomm l-Union tal-Bdoti responsabbli għad-danni
Kompliet tiżdied il-pressjoni fi ħdan il-linja tal-ajru nazzjonali Maltija wara li l-Gvern ressaq mandat ta’ inibizzjoni sabiex il-Qorti tordna lill-Union tal-Bdoti biex ma teffettwa l-ebda azzjoni industrijali u qed iżomm l-ALPA responsabbli għad-danni.
Fi stqarrija l-AirMalta spjegaw li b’mod li ddeskrivew mill-aktar sorprendenti illum l-union tal-bdoti, l-ALPA, laqqgħu lill-membri tagħhom sabiex ressqu mozzjoni dwar azzjoni industrijali fil-konfront tal-Air Malta – inkluż it-twaqqif ta’ servizz mill-Kaptani u l-First Officers.
Dan kollu wara li mitt bdot u wieħed ivvotaw favur li tiġi ordnata azzjoni industrijali filwaqt li 9 oħra vvotaw kontra. Fl-istqarrija, l-AirMalta spjegat li dan il-vot ma seħħx minħabba l-offerta tal-Gvern lill-piloti iżda kawża ta kwistjoni li seħħet fl-aħħar ħinijiet bejn il-kap tal-flight operations tal-linja tal-ajru u membru tal-ALPA dwar il-manuals tat-titjiriet skedati li huma proprjetà tal-AirMalta.
Sussegwentament din il-mozzjoni ġiet approvata u, kompliet tispjega fl-istqarrija l-linja tal-ajru, ftit tal-ħin wara hija rċeviet avviż bil-miktub dwar avviż ta’ tilwima industrijali u li kienet qed tirriserva d-dritt li tordna azzjoni industrijali.
L-Air Malta insistiet li azzjonijiet bħal dawn minn naħa tal-Union qed iwasslu għal ħsara irreparabbli lill-linja tal-ajru nazzjonali hekk kif anke jekk l-azzjoni industrijali jibqgħu għal ftit jiem biss, id-danni jaf ikunu ta’ konsegwenzi kbar li jissarfu f’miljuni tal-ewro fil-ġimgħa, u konsegwentament iqanqlu riperkussjonijiet xejn pjaċevoli lill-impjegati kollha tal-Air Malta, il-passiġġieri u saħansitra fuq it-turiżmu u l-ekonomija tal-pajjiż.
Għaldaqstant, il-Qorti fetħet b’urġenza wara li l-Air Malta ppreżentat Mandat ta’ Inibizzjoni kontra l-ALPA u kontra l-membri tal-kumitat tal-istess union.
Fl-istqarrija, l-Air Malta sostniet li qed titlob sabiex dan il-mandat ta’ inibizzjoni jintlaqa proviżorjament.
//= $special ?>Sigħat wara l-ultimatum ta’ Muscat: Iktar minn 90% tal-piloti jivvotaw favur azzjoni industrijali