Lokali

L-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija lill-barranin – Jispikkaw biljunarji Russi mċappsin ma’ kumpaniji sigrieti żvelati fil-‘Panama Papers’

il-mument illum żvelat għadd ta’ ċittadini biljunarji Russi u Ażerbajġani li wħud minnhom, flimkien mal-familja tagħhom, xtraw iċ-ċittadinanza Maltija għall-valur ta’ €650,000 biss. Fl-aħħar lista li kienet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern hemm dominanza assoluta ta’ biljunarji Russi li jmexxu kumpaniji multinazzjonali. Hemm minnhom li kellhom okkażjoni li jiltaqgħu mal-President Russu Vladimir Putin. Hemm ukoll min iltaqa’ mal-Prim Ministru Malti Joseph Muscat.

Kif seħħ fil-każ ta’ ċittadini minn pajjiżi tal-Golf Għarbi u mil-Lvant Nofsani, il-lista dettaljata li qed tkun pubblikata llum turi kif hemm suspetti serji kemm dawn il-biljunarji Russi u Ażerbajġani qegħdin konformi ma’ dak li titlob l-iskema li kien nieda l-Gvern ta’ Joseph Muscat fosthom il-kundizzjoni li dawn jagħmlu sena residenti f’Malta.

Ir-Russja

Minn dan il-pajjiż, tiddomina l-familja Brovchuk b’ħames membri. Fosthom hemm Gennady Yurievich li wkoll jissemma fil-‘Panama Papers’ minħabba l-kumpanija Nord Avia Group li kienet reġistrata fil-British Virgin Islands wara xogħol li sar mill-kumpanija legali Mossack Fonseca li ħadmu wkoll biex kienu nfetħu l-kumpaniji sigrieti tal-Ministru Konrad Mizzi u taċ-Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri.

Russu ieħor li xtara ċ-ċittadinanza Maltija u li jissemma fil-‘Panama Papers’ huwa Mikhail Serdtsev. Huwa d-direttur tal-kumpanija Xpresio li hija reġistrata fil-British Virgin Islands u li għadha attiva. Huwa kien Deputat Chairman ta’ Absolut Bank.

Hemm il-familja Taraba, erba’ membri li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija, u li membru minnhom bl-isem ta’ Dmitry Olegovich ukoll jidher fil-lista tal-‘Panama Papers’. Huwa direttur ta’ żewġ kumpaniji – NVision Technology Limited u Alliance Multisystem Limited, li t-tnejn li huma għadhom attivi u li huma reġistrati fil-British Virgin Islands.

Persuna oħra li tissemma fil-‘Panama Papers’ u li xtrat iċ-ċittadinanza Maltija hija Igor Vyacheslavovich Khudokormov. Huwa kien involut f’żewġ kumpaniji fejn kellu ishma – Magna Investments reġistrata fis-Samoa u Quarant Limited reġistrata fil-British Virgin Islands. Illum huwa Chairman ta’ Prodimex Trading House li tipproduċi z-zokkor. Miegħu xtrat iċ-ċittadinanza Maltija Veronica Igorevna.

Mill-familja Levitin, erba’ membri wkoll xtraw iċ-ċittadinanza Maltija. Leonid jissemma wkoll fid-dokument tal-‘Panama Papers’. Huwa għandu ishma fil-kumpanija Godfrey Business Development Ltd reġistrata fil-British Virgin Islands. Huwa għandu appartament lussuż fl-indirizz: The Ermitage on the Beach, Apartment 401, Lellas Americanas Street, Potamos Germasogeias 4046, Limassol.

Jispikka l-kunjom Kirienko b’erba’ membri ta’ din il-familja li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija. Alexey Alexeevich, huwa l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Maltija Exante li tliet snin ilu kienet fiċ-ċentru ta’ akkużi ta’ frodi fl-Istati Uniti imma l-akkużi spiċċaw biex twaqqgħu.

Interessanti wkoll l-isem ta’ Alexey Monderik li huwa l-fundatur tal-kumpanija Russa li tispeċjalizza fis-sigurtà tekonoloġika l-aktar fejn jidħlu sistemi ta’ kompjuters. Il-kumpanija Kaspersky Lab. Kienet fil-mira tal-Gvern Amerikan hekk kif prodotti tagħha mhux qed jitħallew jidħlu fl-Istati Uniti minħabba suspetti u biża’ ta’ rabtiet ma’ programmi ta’ spjunaġġ fejn qed ikun allegat li huma appoġġjati mill-Gvern Russu.

Il-kunjom Korotkov ukoll jiġbed l-għajn fejn b’kollox insibu erba’ membri li minnhom jispikka Leonid Viktorovich. Huwa membru tal-Partit Komunista Russu u fl-imgħoddi kien gvernatur ta’ Amur Blast fis-Siberja. Għalkemm kien nominat għat-tieni darba minn Vladimir Putin, eventwalment kien tkeċċa minn Putin stess minħabba akkużi ta’ abbuż ta’ poter. Hemm rapporti li huwa kien inħeles minn sensiela ta’ akkużi fosthom li kien għolla t-tariffi tal-enerġija elettrika, finanzjament illegali ta’ tim tal-futbol lokali, li kien jixtri vetturi bi prezzijiet mhux reali u l-ħlas ta’ ishma f’kumpanija li qatt ma kienu għaddew lill-gvern li huwa kien imexxi.

Familja ta’ sitt membri bil-kunjom Marey xtrat ukoll iċ-ċittadinanza Maltija.  Fosthom hemm Alexey Alexandrovich li kien il-Kap Eżekuttiv tal-akbar bank privat fir-Russja bl-isem Alfa Bank. Madankollu, Alexey huwa rrappurtat li ħalla din il-kariga u flimkien mal-familja mar jgħix f’post ieħor.

Hemm ukoll Vitaly Georgievich Yakovlev flimkien ma’ żewġ persuni oħra li jġibu l-istess kunjom. Vitaly huwa l-Kap Eżekuttiv ta’ kumpanija ewlenija Russa li tiġġenera l-enerġija elettrika. Il-kumpanija jisimha Mosenergo, u hija sussidjarja tal-kumpanija ewlenija tal-gass fir-Russja, Gazprom, u hija reġistrata fil-Borża ta’ Londra u Moska.

Ta’ min jinnota wkoll il-kunjom Semenikhin fejn insibu żewġ Russi. Fosthom Vladimir Anatolevich li huwa l-fundatur ta’ waħda mill-akbar kumpaniji kbar tal-kostruzzjoni f’Moska  bl-isem ta’ Stoyteks. Huwa wkoll President tal-Fondazzjoni Kulturali Ekaterina li torganizza wirjiet tal-arti.

Insibu wkoll familja Russa bil-kunjom Trushev. Ħames membri fosthom Roman Evgenoevich li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija. Roman huwa Chairman tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija Petroneft li tispeċjalizza fl-industrija tar-raffinerija taż-żejt.

Hemm ukoll membri tal-familja bil-kunjom Libyavko, u fosthom insibu lil Dmitry Yuryevich li huwa l-Fundatur u Chairman tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija Roza-Mira OOO u d-Direttur Ġenerali tal-kumpanija Blueline Project. Huma jispeċjalizzaw fl-industrija taż-żejt, inkluż fit-tħaffir kif ukoll f’servizzi siżmiċi.

Fost ir-Russi li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija hemm Victor Raifovich Islamov flimkien ma’ erba’ membri oħra tal-istess familja. Victor huwa l-President tal-kumpanija Petrotek Holding li topera fit-tħaffir għaż-żejt u l-industrija marittima.

Jissemma wkoll Alexander Mechetin li huwa l-fundatur u jmexxi l-Grupp Beluga, l-akbar kumpanija tax-xorb alkoħoliku fir-Russja. Miegħu hemm sitt membri oħra tal-familja li xtraw iċ-ċittadinanza Maltija.

Jispikkaw ukoll Enver u Vasily Kuzmin li huma Kap Eżekuttiv u Manager Amministrattiv tal-kumpanija tal-proprjetà Restavracia.

Jispikkaw tliet membri tal-familja Mints fosthom Boris Iosifovich li huwa meqjus bħala wieħed mill-akbar biljunarji. Huwa s-sid tal-kumpanija bbażata f’Ċipru O1 Group li tmexxi fondi tal-pensjonijiet u assi ta’ proprjetà fir-Russja.

Hemm ukoll tliet membri tal-kumpanija Miroshnikov. Evgeny Gannedievich huwa l-kap tal-inventarju u t-tmexxija loġistika tal-kumpanija interreġjonali għad-distribuzzjoni tal-enerġija fin-Nofsinhar ta’ Volgograd.

Familja oħra ta’ erbgħa min-nies iġġib il-kunjom Mishin fejn fil-lista hemm Gleb Borisovich li sa April 2017, serva fil-kariga ta’ Viċi President u General Manager tal-Grupp Lenovo għar-Russja, u l-Lvant tal-Ewropa.

Mir-Russja nsibu wkoll sitt membri ta’ familja oħra, din id-darba bil-kunjom Nesis. Alexander Natanovich huwa l-fundatur, il-President u l-Kap Eżekuttiv tal-Grupp ICT li hija bbażata f’Moska u li tinvesti ħafna fis-settur finanzjarju, fil-metall u fl-inġinerija. Huwa wkoll il-fundatur tal-kumpanija Russa Polymetal li tipproduċi deheb u fidda. Alexander huwa biljunarju, u klassifikat il-31 persuna l-aktar sinjura fir-Russja mir-rivista Forbes.

Hemm ukoll erba’ membri tal-familja Noskov, fosthom Egor Aleksandrovich li jmexxi kumpanija legali f’San Pietruburgu. Ilu mill-2009 membru tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpanija OAO Kirovsky Zavod, li hija l-akbar kumpanija industrijali f’San Pietruburgu. Fl-2012 kien elett Chairman tal-Bord tad-Diretturi.

Familja oħra hija Rubanov bi tliet membri. Fosthom Alexander Iosifovich li huwa ċ-Chairman tal-Management Board ta’ OJSC Marienergosbyt u tal-kumpanija TNS energo Mari El. Huwa wkoll Direttur ta’ TNS energo.

Hemm ukoll Elena u Anna Rybolovleva. Elena hija l-eksmara u Anna hija bint Dmitry Rybolovlev, is-sid tat-tim tal-futbol AS Monaco. Fl-2014, huwa kien ordnat minn Qorti fl-Iżvizzera biex iħallas $4.5 biljun bħala parti minn ftehim marbut mad-divorzju imma din id-deċiżjoni kienet inbidlet u ċ-ċifra niżlet għal $580 miljun fl-istadju ta’ appell.

Jispikka wkoll Gazilyan Galimzyanovich Shakirzyanov li huwa meqjus fost l-aktar 50 negozjant b’saħħithom fl-industrija agrikola fir-Repubblika ta’ Tatarstan.

Mill-Ażerbajġan

Familja Ażerbajġana li tispikka hija dik bil-kunjom Asgarov. Minn tliet membri, jispikka l-isem ta’ Alhas Khanoglan li ssemma fil-‘Panama Papers’. Huwa l-benefiċjarju ta’ kumpanija bl-isem Roofsteel Inc. li għadha attiva u li hija reġistrata fil-British Virgin Islands.

Żewġ membri ta’ familja oħra mill-Ażerbajġan bil-kunjom Garibov xtraw iċ-ċittadinanza Maltija. Eldar Mahmud huwa ċ-Chairman tas-Supervisory Board tal-Unibank Commercial Bank OJSC li għandu l-Kwartieri Ġenerali fil-kapitali Baku. F’nofs l-2016, l-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu Moody’s naqqset ir-rata ta’ fiduċja f’dan il-bank għal diversi raġunijiet fosthom il-qagħda finanzjarja tal-bank.