Lokali

“L-Oppożizzjoni trid tindirizza l-bżonnijiet tal-Għawdxin” – il-PN f’Għawdex

Messaġġ komuni bejn il-kelliema waqt l-ewwel attivita’ politika għall-Partit Nazzjonalista għall-2018, li saret f’Għawdex. Il-Gvern ta’ Joseph Muscat wiegħed ħafna lill-Għawdxin, biex rebaħ il-fiduċja tagħhom, iżda ħafna mill-wegħdiet baqgħu biss pjan fuq karta.

Is-Sindku tar-Rabat, Samuel Azzopardi, fakkar kif il-Partit Nazzjonalista jinsab f’salib it-toroq iżda l-poplu għandu bżonn lill-Partit Nazzjonalista għaliex l-Għawdxin ilhom snin jiġu mwegħda diversi affarijiet li ma seħħewx.

Fost dawn, hemm il-wegħda ta’ Gvern Laburista ta’ mina bejn Malta u Għawdex kif ukoll fast ferry service. Iżda minflok,l-Għawdxin spiċċaw b’vapur inqas għax jinsab għat-tiswija.

Il-membru parlamentari Frederick Azzopardi wkoll tkellem dwar diversi sfidi li qed jaffaċċj l-poplu, fosthom defiċit fix-xogħol infrastrutturali, sfidi bl-iskart fejn m’hemmx pjan dwar x’se jsir minnu u defiċit fis-saħħa, bl-isptarijiet lokali jiġu trasferiti minn kumpanija għall-oħra.

Quddiem Oppożizzjoni li qed tikxef il-qerq tal-Gvern iżda tiġi ttimbrata negattiva, Azzopardi wiegħed li l-grupp parlamentari hu warajh f’ħidma biex f’settur importanti bħal dak tas-saħħa, l-isptarijiet jerġgħu lura għand il-poplu.

Marthese Portelli fakkret kif l-Għawdxin qed jiżfnu fin-nofs tal-botti u l-argumenti bejn Justyne Caruana u Anton Refalo waqt li l-istudenti jsibu sfidi biex jistudjaw, nuqqas ta’ konnettivita’, proġetti kapitali fil-baħħ bħall-Isptar Ġenerali t’Għawdex li kellu jinbidel fi sptar state of the art minn Vitals li madankollu telqu ‘l hemm.

Wissiet li l-Gvern ta’ Joseph Muscat għandu obbligu li jwettaq dak li jwiegħed, u mhux iwiegħed biss proġetti li jibqgħu fuq il-karta. Għall-kuntrarju, l-Partit Nazzjonalista diġa’ qed jaħdem u joħlom biex issir ħidma favur Għawdex u l-Għawdxin.

David Stellini, membru parlamentari u President tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista, semma’ fost l-oħrajn kif l-iskola primarja ta’ Għawdex, fejn jattendu wliedu, hu diżastru li wasal biex iseħħ hekk kif il-proġett biex issir din l-iskola għadu ma seħħx.

Semma’ wkoll il-flus kollha li Vitals ingħataw għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Bil-flus kollha li ngħatat din il-kumpanija, dawn setgħu marru għand il-Maltin u Għawdxin kollha. Għalhekk hu appella lill-membri parlamentari Għawdxin tal-Partit Laburista biex jinsistu li dan l-isptar jirritorna għand l-Għawdxin.

Chris Said,  hu wkoll membru parlamentari Għawdxi f’isem il-Partit Nazzjonalista, fakkar kif il-Prim Ministru u l-Gvern għandu responsabbiltajiet kbar għaliex dak kollu li jiġri f’pajjiżna jirrifletti fuq il-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Semma’ fost l-oħrajn kif f’Għawdex, Justyne Caruana qed tipprova tibdel u teqred dak kollu li għamel il-ministru ta’ qabilha. Waqffet il-bini tal-Qorti t’Għawdex, il-post tal-iskola primarja ta’ Għawdex inbidel tliet snin, fibre optical link, casino u yacht marina u ħafna proġetti oħra li jiġbru snin twal ta’ wegħdiet Laburisti li ma sarux.

“Imma l-agħar ħaġa hi li l-ebda membru parlamentari Laburist minn Għawdex ma refa’ subgħajh meta s-saħħa f’Għawdex ġiet privatizzata, b’miljuni fis-sena mogħtija lil kumpanija li ma nafux min hi u li għal dawk il-flus ma taw xejn. Kellhom jibnu sptar ġdid, li minnu lanqas tpoġġiet ġebla, bħalma ma nbniet lanqas l-iskola medika ta’ Barts, fejn proġett tajjeb hemm riskju li jintilef,” fakkar Chris Said li appella lill-Gvern biex jieħu lura l-isptarijiet Maltin, speċjalment dak Għawdxi.