Futbol Sport

Liverpool jagħtu l-ewwel telfa lil Manchester City

Sadio Mane jiskorja t-tielet gowl ta' Liverpool (Ritratt: EPA)

Manchester City sofrew l-ewwel telfa tal-Premier League meta sfaw megħluba 4-3 minn Liverpool f’Anfield. Ir-Reds marru fil-vantaġġ fid-disa’ minuta b’azzjoni personali ta’ Alex Oxlade Chamberlain li għeleb lil Ederson b’xutt fil-baxx. Manchester City ġabu d-draw fl-40 minuta, b’Leroy Sane jegħleb lil Karius b’xutt fuq l-ewwel lasta.

Liverpool reġgħu marru fil-vantaġġ mas-siegħa logħob. Roberto Firmino rebaħ il-pussess tal-ballun mingħand John Stones u qabbeż b’mod brillanti fuq Ederson. Żewġ minuti wara, l-iskor sar 3-1 b’Sadio Mane jiskorja b’xutt sabiħ fis-saqaf tax-xibka.

It-tim ta’ Klopp prattikament għalaq il-logħba fis-67 minuta meta saħansitra skorjaw ir-raba’ gowl, b’Mohamed Salah jieħu vantaġġ minn żball ta’ Ederson u jiskorja mid-distanza. Manchester City naqsu d-distakk fl-84 minuta b’xutt ta’ Bernardo Silva fir-rokna, biex fil-91 minuta kien Ilkay Gundogan li għeleb lil Karius wara kross ta’ Aguero.

Tkompli l-kriżi ta’ Arsenal

Bournemouth komplew ikabbru s-serje negattiva ta’ Arsenal meta rebħu 2-1 f’logħba li ntlagħbet fil-Vitality Stadium. Kienu Arsenal li fetħu l-iskor fit-52 minuta meta Iwobi għadda passaġġ intelliġenti lejn Hector Bellerin li waħdu avvanza u għeleb lil Begovic b’xutt li kien salvat parzjalment.

Bournemouth ġabu d-draw fis-70 minuta meta f’azzjoni maħduma tajba mil-lemin, kien Callum Wilson li antiċipa lil Petr Cech u skorja f’lasta vojta. Il-gowl tar-rebħa għaċ-Cherries wasal erba’ minuti wara meta Wilson niżżel lejn Jordon Ibe li għadda l-ballun bejn saqajn Cech.