Dalgħodu l-ġurnal The Sunday Times of Malta rrapurta li l-Ministru Owen Bonnici ħatar il-ġurnalista ta’ 21 sena, l-istar reporter tal-ONE, Nicole Buttigieg fuq il-Bord tal-Petizzjonijiet; pożizzjoni li għandha l-jhedd li taħfer il-multi imposti mit-tribunal lokali. Il-gazzetta kompliet tiżvela li kien il-Ministru tal-Ġustizzja stess li nnomina lit-tfajla – għalkemm s’issa għad m’għandha l-ebda kwalifiki biex tokkupa din il-kariga.
Meta kelliem għall-Ministru Bonnici ġie mistoqsi mill-istess ġurnal x’kwalitajiet kellha Buttigieg sabiex tokkupa din il-kariga, biex fost oħrajn titħallas mit-taxxi tal-poplu, huwa falla milli jwieġeb. Il-Ministru Bonnici sostna li għalkemm ma kellux idea ta’ kemm jitħalsu l-membri tal-bord, huwa insista li l-ġurnalista tal-ONE ser titħallas daqs il-membri l-oħra. Dan ifisser li, skont is-Sunday Times, Buttigieg ser iddawwar madwar €10,000 fis-sena mit-taxxi tal-poplu.
Uffiċjal mill-Aġenzija LESA, li hija responsabbli mill-gwardjani lokali tkellem mal-istess ġurnal u sostna li din il-ħatra hija skandaluża. Huwa sostna li din il-ħatra m’għandha l-ebda preċedent mhux biss għax ġiet maħtura tfajla żagħżugħa li m’għanda l-ebda kwalifikazzjoni denja x’turi iżda għax bla ebda sinjal ta’ dubju hija waħda mill-aktar partiġjana.