Lokali

“Obbligati noffru alternattiva għall-futur ta’ pajjiżna” – Adrian Delia

Il-Partit Nazzjonalista għandu obbligu li joffri alternattiva lil pajjiżna quddiem numru ta’ sfidi li l-poplu Malti u Għawdxi qed jaffaċċja f’dan iż-żmien.

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt serata mtella’ mill-Kumitat Reġjonali Għawdex fejn il-Kavallier Nazzareno Calleja ngħata midalja u tifkira bħala r-rebbieħ tal-għaxar edizzjoni tal-unur Għawdex Irodd Ħajr, bħala rikonoxximent tal-ħidma tiegħu għal Għawdex u l-Għawdxin.

Matul is-serata il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fisser il-politika bħala servizz lill-poplu u fuq kollox lil uliedna, fost diversi problemi li llum-il ġurnata pajjiżna qed jaffaċċja, fosthom il-problema tat-traffiku, in-nuqqas ta’ għalliema u defiċit tal-ambjent fost kostruzzjoni bla waqfien u bla ħsieb. Dan kollu fl-istess waqt li l-Gvern qed jattakka l-valuri tal-poplu Malti u Għawdxi.

Adrian Delia sostna li “l-Partit Nazzjonalista hu obbligat li dik ir-ruħ iroddha lura lill-poplu Malti. Hu għalhekk li bil-qalb għandna nemmnu li flimkien nistgħu nagħmlu dan għax nemmnu li dak hu d-destin tal-pajjiż u tal-partit. Jekk aħna ma nkunux hemm illum, meta l-partit u l-pajjiż qed isejħilna, uliedna ma jkollhom lil ħadd min jaqbeż għalihom u l-ġlidiet li għamilna u rbaħna flimkien inkunu għamilnihom għalxejn,” iddikjara Adrian Delia.

Iddeskriva dan bħala mument partikolari ħafna għal pajjiżna, għax qed jinħataf il-poter mingħand min suppost qiegħed jieħu ħsiebu, bit-tbissima minflok bis-swat, u ħafna mhux jindunaw.

Min-naħa tiegħu, ir-rebbieħ tal-unur, Nazzareno Calleja, kompla fuq dan il-messaġġ u qal li pajjiżna llum ukoll għandu bżonn lill-Partit Nazzjonalista magħqud u b’saħħtu għall-ġid tal-poplu kollu. Hu rringrazzja lill-kapijiet kollha tal-Partit Nazzjonalista li ħadem magħhom, minn Ġorġ Borg Olivier sa llum, Adrian Delia, li fi kliemu dejjem tawh għajnuna u wrewh rispett.

Fid-diskors tiegħu, il-President tal-Kumitat Reġjonali, Paul Buttigieg qal li l-aħħar elezzjoni ġenerali qajmet diversi mistoqsijiet.  Sostna li “l-PN hu differenti minn oħrajn għax għandu prinċipji u valuri soda.

Preżenti wkoll għas-serata l-eks Ministru Louis Galea, li ħadem mill-qrib ma’ Nazzareno Calleja, fisser lil Nazzareno Calleja flimkien ma’ sħabu bħala pilastru tal-Partit Nazzjonalista fil-lokalita’ tax-Xewkija li tant kienet diffiċli għal min kien Nazzjonalist. Iżda minkejja dan hu baqa’ sod fil-valuri u prinċipji tiegħu.

Louis Galea faħħar l-inizjattiva tal-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia li l-messaġġ tal-partit ma jkunx biss iffukat għan-Nazzjonalisti imma jkun indirizzat lill-poplu kollu Malti u Għawdxi biex verament il-partit jinfetaħ għal kulħadd. “