Rapport: Keane Cutajar
FLORIANA……………….0
HIBERNIANS……………1
Floriana: I. Akpan, S. Nayar, E. Pepe, E. Ruiz, S. Pisani, C. Borg (J. Pisani 41’), M. Vella, A. Cini, A. Oyama (L. Grech 77’), M. Fontanella, E. Marcellina
Hibernians: A. Hogg, D. Vella, M. Kreuzriegler, R. Gomes, J. Lima, R. Soares, B. Kristensen (G. Gorozia 71’), J. Moreira (J. Degabriele 77’), A. Agius, J. Mbong, J. Pereira Da Silva (J. Bezzina 87’)
Imwissija: J. Mbong 84’, R. Briffa 90’ (H) S. Pisani 90’, J. Pisani 90’ (F)
Skorjaw: J. Pereira Da Silva 76’ pen (H)
Referee: Glenn Tonna
Assistenti Referees: Mitchell Scerri, Duncan Sultana
Assistenti Referees Addizzjonali: Alan Mario Sant, Etienne Mangion
In-Nazzjon Plejer tal-Logħba: Jorge Pereira Da Silva (Hibernians)
Attendenza: 1,030
Hibernians akkwistaw rebħa importanti bi tliet punti li fissru li baqgħu viċin ma’ ta’ fuq, punt biss bogħod mill-istess Floriana. Nifs qawwi għat-tim ta’ Mark Miller li tħallihom viċin għat-taqtigħa għall-kampjonat li inċidentalment hu difiż mill-istess tim ta’ Raħal Ġdid.
F’partita li ftit li xejn offriet spettaklu rajna żewġ timijiet li naqsu li jieħdu l-inizjattiva b’ħafna logħob fin-nofs u difiża kompatta li ma għenux biex il-pubbliku jsegwi numru tajjeb ta’ azzjonijiet perikolużi lejn il-lasti. Kien biss penalty lejn l-aħħar tat-tieni taqsima li żblokka r-riżultat.
L-ewwel azzjoni waslet wara 20 minuta meta Maurizio Vella ttanta xortih minn barra l-kaxxa iżda sab lil Andrew Hogg attent li niżel isalva.
It-tieni azzjoni tal-ewwel taqsima waslet mat-tokki tat-tisfira meta Enzo Ruiz iltaqa’ bir-ras ma’ korner li Hogg kien pożizzjonat tajjeb għalih biex salva tajjeb. Mumenti biss wara, Hibernians irrispondew bi free-kick ta’ Jackson Lima li kien milgħub qasir lejn Andrei Agius li venven xutt li għadda ċentimentri biss fuq il-mimduda.
Fis-57 minuta, azzjoni tajba ta’ Hibernians waslet għal xutt lejn il-lasta ta’ Hogg. Joao Moreira prova jiftaħ l-iskor iżda x-xutt tiegħu kien wisq ċentrali. Martin Kreuzriegler kellu xutt imxellef f’korner fil-65 minuta li niżel ċentimentri wara l-mimduda difiża minn Ini Akpan.
Kwarta mit-tmiem, Hibernians marru min fuq. Kien Akpan li ħareġ għal kross li ma żammx u f’tentattiv li jieħu lura l-ballun f’idejh waqqa lil Gorozia fil-kaxxa b’Glenn Tonna jsaffar għal penalty. Mill-ħdax-il metru Jorge PEREIRA DA SILVA ma żbaljax hekk kif tefa’ lil Akpan in-naħa l-oħra tal-lasta.
Fil-85 minuta, Pereira da Silva salva lil sħabu meta qala’ ballun li kien destinat għal ġewwa minn fuq il-linja wara tentattiv ta’ Jurgen Pisani. Fl-aħħar tal-partita inqalgħu battibekki bejn iż-żewġ settijiet ta’ plejers li rriżultaw f’karti sofor murija fuq iż-żewġ naħat, saħansitra anke waħda lil Rudy Briffa li kien fuq il-bank tas-sostituti.
//= $special ?>