Internazzjonali

83 pajjiż effettwati mill-iskandlu tat-trab tal-ħalib tat-trabi

Uffiċjali Franċiżi qalu li issa huma 83 il-pajjiżi effettwati mill-iskandlu tat-trab tal-ħalib għat-trabi tal-kumpanija Franċiża Lactalis. Skandlu li fih instab li l-ħalib kien infettat bis-salmonella.
L-iskandlu beda jfeġġ f’Diċembru u issa nġabru mat-12-il miljun kaxxa ta’ ħalib tat-trab għat-trabi. Dan wara li nstab bakterja tas-salmonella f’xi prodotti. Infetħu wkoll kawżi l-qorti minn xi ġenituri li qed isostnu li t-trabi tagħhom spiċċaw mardu wara li ngħataw minn dan il-prodott.
Il-pajjiżi effettwati kienu infurmati b’dak li qed jiġri.
Il-Lactalis hi waħda mill-ikbar kumpaniji ta’ prodotti tal-ħalib fid-dinja b’bejgħ annwali ta’ 17-il biljun ewro u għandha fabbriki f’47 pajjiż.
Il-prodotti effettwati jinbiegħu taħt l-isem ta’ Picot, Milumel u Taranis.
S’issa kien hemm 35 każ ta’ salmonella fi Franza u ieħor konfermat fi Spanja filwaqt li qed ikun investigat każ fil-Greċja.
Il-Lactalis qalet li l-kumpanija kienet se tagħti kumpens lill-familji effettwati. Intqal li l-kontaminazzjoni kienet ikkawżata minn xogħlijiet li kienu qed isiru f’impjant f’fabbrika f’Craon fil-Majjistral ta’ Franza. Il-Gvern Franċiż qal li l-prodotti konċernati ma kinux se jitħallew joħorġu għall-bejgħ sakemm jiġi stabbilit eżattament x’ġara.