Instab li hemm diversi apps għat-tfal fuq il-Google Play li fihom reklami pornografiċi espliċiti. B’kollox instab li hemm 60 minn dawn l-apps. Ħafna minn dawn l-apps kienu logħbiet immirati għat-tfal.
Jirriżulta wkoll li ħafna minn dawn l-apps tniżżlu miljuni ta’ drabi.
IR-RAPPORT TAĊ-CHECKPOINT
Il-Google qalet li issa kienet neħħiet l-apps kollha li kienu kompromessi b’dan il-virus.
Il-virus, magħruf bħala “AdultSwine” malware misjub minn riċerkaturi taċ-CheckPoint software, tniżżel għal tal-anqas tliet miljun darba. Fost l-apps li nstab li kienu infettati kien add-on tal-logħba popolari Minecraft kif ukoll logħbiet ibbażati fuq karattri magħrufa ta’ Disney.
Dawn jinkludu Five Nights Survival Craft, Mcqueen Car Racing Game u CoolCraft PE.
Barra minn hekk, dawn l-apps infettati kienu jippruvaw iġiegħlu lil dak li jkun jabbona fi programm ta’ sigurtà li jirriżulta mbagħad li jkunu għaljin ħafna.
Il-Google qalet li minbarra li neħħiet l-apps, kienet ukoll għalqet il-kontijiet ta’ dawk li kienu poġġewhom hemm. Il-Google insistiet ukoll li permezz ta’ dawn l-apps ma kinux kompromessi l-apparati li fuqhom tniżżlu.
Apps tat-tfal infettati b’reklami pornografiċi


