L-iżpiżjara tal-Gvern qed jimxu ma’ numru ta’ direttivi li ordnat il-UĦM Voice of the Workers. Dan wara li l-ispiżjara membri tal-union ippreżentaw lill-gvern proposti, viżjoni li qed jiddeskrivu bħala waħda ċara biex il-professjoni tagħhom tkun konformi kif spjegata fil-liġi.
Il-viżjoni tagħhom lill-gvern l-ispiżjara ippreżentawha f’Ġunju tas-sena l-oħra iżda s’issa l-gvern ma tahom l-ebda tip ta’ rispons. Dan minħabba li jirriżulta li l-gvern ma kellux nies b’ħiliet f’dan il-qasam biex jindirizzaw il-proposti tal-ispiżjara.
Dan billi fil-proposti tagħhom huma mhux qed jitolbu sempliċement żieda fis-salarju tagħhom imma anke metodi ta’ kif jistgħu huma bħala spiżjara jitħarrġu biex ikunu speċjalizzati u b’hekk ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jaqdu lill-pazjenti.
Kelliem għall-UĦM spjega ma’ Net News li dan kollu hu diġa’ spjegat fil-liġi pero qatt ma’ daħal fis-seħħ. Qal wkoll li l-Union flimkien mal-ispiżjara ma tistax tifhem kif il-gvern f’temp ta’ seba’ xhur baqa’ qatt ma ta’ risposta.
Intant fi stqarrija maħruġa mill-kelliem tal-Partit Nazzjonalista għas-Saħħa Stephen Spiteri ngħad kif il-morda reġgħu huma vittma tal-kwistjoni li ilha għaddeja bejn il-Gvern u l-ispiżjara tal-POYC fl-Isptar St Luke’s.
Il-PN sostna li l-Gvern għadu ma sabx soluzzjoni konkreta mal-ispiżjara bil-konsegwenza li għexieren ta’ pazjenti u qraba ta’ persuni morda sabu l-bieb magħluq meta marru biex iġeddu l-permessi għall-mediċi li għandhom bżonn.
Il-kelliem tal-PN Stephen Spiteri qal li s-servizz tas-saħħa f’pajjiżna ma jistax jibqa’ f’sitwazzjoni ta’ inċertezza li qed toħloq diffikultajiet kbar lil dawk l-aktar vulnerabbli. Tenna biex il-Gvern jirrisolvi il-kwistjoni mal-ispiżjara tal-POYC f’St Luke’s b’mod prattiku u mill-aktar fis possibli.
//= $special ?>
