Futbol Sport

FUTBOL – Ryan Giggs maħtur kowċ ta’ Wales

Ryan GigGs se jibda jmexxi lil Wales

L-eksplejer leġġendarju ta’ Manchester United, Ryan Giggs inħatar bħala kowċ nazzjonali ta’ Wales. Giggs hu eksplejer ta’ Wales u fis-snin li dam jilgħab magħhom, jiġifieri bejn l-1991 u l-2007 lagħab total ta’ 64 logħba.

Giggs se jkun qed jieħu post l-ekskowċ Chris Coleman li kien irriżenja mill-kariga f’Novembru li għadda biex beda jmexxi lit-tim Ingliż ta’ Sunderland.

 

Ma’ Coleman Wales gawdew suċċess kbir u għall-ewwel darba sa mill-1958 ikkwalifikaw għal turnament maġġuri, dak tal-Euro 2016.

Madankollu riċentament, Wales naqqsu milli jikkwalifikaw għat-Tazza tad-Dinja li se ssir din is-sena fir-Russja.

B’hekk Giggs se jkollu biċċa xogħol iebsa biex ikompli fuq il-passi ta’ Coleman. Għal Giggs din se tkun it-tieni esperjenza tiegħu fil-kowċing hekk kif fl-istaġun 2013-14 mexxa għal perjodu temporanju lil Man Utd wara li kien tkeċċa David Moyes.

 

Hu kien baqa’ mat-tim bħala assistent ta’ Louis van Gaal imma ħalla r-Red Devils qabel ma beda l-istaġun 2016-17 meta dakinhar beda jmexxi lit-tim Jose Mourinho.

Giggs iffirma kuntratt ta’ erba’ snin ma’ Wales.