– Simon Busuttil, PN
Id-deputat Nazzjonalista Simon Busuttil qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma keċċiex lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri għax hu kompliċi magħhom.
Fl-Aġġornament tal-parlament Simon Busuttil qal li tliet xhur ilu nqatlet Daphne Caruana Galiza. Minkejja li terssqu tliet persuni li kienu inovluti fil-bomba għadu mhux magħruf min ikkummissjona l-bomba. Hu semma r-rapport tal-Parlament Ewropew dwar il-ħarisen tal-liġi f’Malta u qal li d-delegazzjoni Ewropea kienet komposta minn membri mill-partiti kollha tal-Parlament Ewropew biċ-Chairman ikun Soċjalista.
Mir-rapport jirriżulta kif il-Prim Ministru qed jagħmel ħsara lill-pajjiż dwar l-iskandlu tal-Panama Papers u l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan hu rapport li jħammar wiċċ il-gvern u jirrabbja lill-Oppożizzjoni minħabba l-ħsara li l-gvern qed jagħmel lill-pajjiż. Jekk mhu se jsir xejn, din il-ħsara se tkissirna, sostna Simon Busuttil, li kompla li r-rapport fih 13-il rakkomandazzjoni. Mill-konklużjonijiet ta’ dan ir-rapport m’hemm xejn ġdid għax l-Oppożizzjoni ilha tgħidhom dawn id-dikjarazzjonijiet.
Ir-rapport ikkonkluda li l-gvern qed jikkontrolla kollox, m’hemmx separazzjoni tal-poter, li l-gvern għandu problema kbira għax jissemmew Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama Papers, li qed issir ħsara għax ma sarux investigazzjonijiet u li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien intiż biex idaħħal biża’ speċjalment f’dawk li jridu jinvestigaw il-korruzzjoni.
Simon Busuttil tratta r-rakkomandazzjonijiet fir-rapport li jispeċifikaw li l-persuni implikati fil-Panama Papers jridu jkunu investigati u ma jitħallewx f’karigi pubbliċi għaliex jista’ jkun li għadhom għaddejjin b’attività kriminali. Dan hu appell ċar biex Konrad Mizzi u Keith Schembri jitkeċċew. Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom f’idejhom l-akbar setturi tal-pajjiż, inkluż is-settur tas-saħħa. Ir-reazzjoni tal-Prim Ministru kienet li jitbissem u li jgħid li l-PL rebaħ l-elezzjoni ġenerali. Il-Prim Ministru kien ukoll arroganti meta qal li kien hu li żamm lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzzi fil-kariga.
Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-Prim Ministru qal lill-Parlament Ewropew li d-deċiżjonijiet joħodhom hu. Il-Prim Ministru għamel ukoll numru ta’ dikjarazzjonijiet foloz mill-Prim Ministru lid-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew. L-imġieba tal-Prim Ministru qed tqajjem suspetti tant kemm iddefenda lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri bis-suspetti li hu kompliċi magħhom. Il-Prim Ministru issa lanqas hu fdat bil-ħatra tal-persuni f’karigi importanti.
Id-delagazzjoni qalet ukoll li lanqas l-Avukat Ġenerali ma aġixxa korrettament għaliex dan kellu jinvestiga lil Konrad Mizzi u lil Keith Schembri, sostna Simon Busuttil, li kompla li anki l-Prim Imħallef kkritika l-operat tal-Avukat Ġenerali u l-konflitt li għandu. Id-delegazzjoni ħasset ukoll li anki l-Kummissarju tal-Pulizija m’għamilx dmiru, li nqabad fil-ħmerijiet li qal meta ddikjara li m’għandux poter li jinvestiga. Simon Busuttil sellem lil David Casa li ħabbar li akkwista kopja ta’ rapport ieħor tal-FIAU fuq Konrad Mizzi.
Simon Busuttil qal li l-Gvern ma tax protezzjoni lir-Russa Efimova u lil Jonathan Ferris u kompla li r-rapport tad-delegazzjoni tal-Parlament Ewropew ma jħalli l-ebda dubju dwa rmin qed jagħmel ħsara lill-pajjiż. Hu l-Prim Ministru li qed jagħmel din il-ħsara għaliex ma ħax il-passi meħtieġa kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Simon Busuttil appella għall-perseveranza fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
//= $special ?>