Lokali

Il-Qorti tilqa’ t-talba tal-Air Malta

Il-Qorti laqgħet mandat ta’ inibizzjoni li għamlet il-kumpanija Air Malta fil-konfront tal-ALPA, il-union tal-bdoti, għalhekk għalissa t-titjirier se jibqgħu għaddejja b’mod normali.

Il-Kumpanija Air Malta sostniet li l-kwistjonijiet li fuqhom ġew ordnati l-azzjonijiet industrijali ma jaqgħux fil-kategorija tad-definizzjoni li tagħti l-liġi ta’ tilwima industrijali. L-Imħallef Toni Abela laqgħa t-talba tal-Air Malta.

Fi stqarrija l-Air Malta qalet li wara d-deċiżjoni tal-Qorti l-andament tax-xogħol tal-linj tal-ajru se jkompli jaħdem b’mod normali.

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti Maltin min- naħa tagħha esprimiet t-tama li tinstab soluzzjoni kemm jista’ jkun malajr għal din il-kwistjoni minħabba t-theddida li jista’ jaffaċja s-settur tat-turiżmu f’pajjiżna.

L-MHRA talbet lill-partijiet involuti biex jersqu mal-mejda tad-diskussjoni biex isibu soluzzjoni. Qalu li azzjoni industrijali bħalissa twassal għal ħsara għall-industrija li fiha sar investiment ta’ għexieren ta’ miljuni u li tħaddem eluf ta’ ħaddiema.

Anke l-kamra tal-kummerċ u l-intrapriża appellat biex jirbaħ is-sens komun f’din il-kwistjoni u l-interessi tal-ftit m’għandhomx iħarbtu l-futur tal-ħaddiema l-oħra. Il-Kamra tal-kummerċ u l-intrapriża saħqet għal soluzzjoni għal din is-sitwazzjoni biex ma jkunx hemm riperkussjonijiet fuq l-industrija tat-turiżmu kif ukoll  fuq il-futur tal-Air Malta.