Il-klima ta’ pajjiżna u l-faċilitajiet sportivi li għandna qed jgħinu lill-Bulgari ta’ Levski Sofia biex jippreparaw aħjar għall-kumplament tal-istaġun, hekk kif il-futbol Bulgaru jinsab wieqaf għal xahrejn.
Malta, għelbet lil Ċipru u t-Turkija, fost pajjiżi oħra bħala d-destinazzjoni għal Levski Sofia. Fost l-oħrajn mistennija jilgħabu logħob ta’ ħbiberija kontra l-klabbs lokali ta’ Hibernians u Balzan.
Net News iltaqa’ ma’ Delio Rossi, kowċ tal-Bulgari, li fil-passat mexxa’ skwadri storiċi tas-Serie A bħal Lazio, Palermo u Fiorentina. Iżda mistoqsi għall-aqwa memorja tal-karriera tiegħu, jgħid li hi dik li għad trid tiġi.
Għal Rossi, din l-esperjenza fil-Bulgarija hi l-ewwel waħda wara 20 sena ma’ klabbs differenti tal-ogħla kampjonat fl-Italja. Ma’ Net News jgħid
Magħna jitkellem ukoll dwar il-falliment tat-tim nazzjonali Taljan fil-futbol, li naqas milli jikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja.
Saħansitra jgħid li r-rebħ tat-Tazza tad-Dinja tal-2006 għattiet ħafna mill-problemi li diġa’ kienu jeżistu. Iżda jistaqsi għaliex ma sar xejn.
Madankollu jfisser dan il-falliment mhux bħala traġedja, imma l-bażi li jekk tintuża tajjeb twassal għal qawmien mill-ġid.
Finalment, ma jeskludix ritorn fl-Italja, għalkemm miftuħ ukoll għal esperjenzi differenti, tant li ma jeskludix lanqas lil Malta, għaliex jgħid li kowċ ma jistax jaħseb li se jsib kollox jistennieh fuq il-bieb ta’ daru.
Fil-jiem u ġimgħat li ġejjin jingħaqdu ma’ Levski Sofia diversi klabbs oħra, fosthom l-Awstrijaċi Wolfsberger AC, Floridsdorfer AC u Kapfenberg, iċ-Ċeki Jablonec, il-Ġorġjani ta’ Lokomotiv Tiflis u l-Ungeriżi FC Haladas.
Magħhom ukoll is-Slovakki FC Trnava, l-Iżvizzeri ta’ St. Gallen u Winterthur, in-Norveġiżi FC Stabaek u IFK Norrkoping tal-Iżvezja.
Huma parti minn proġett li ilha tmexxi Malta Football Camps għall-aħħar tliet snin, u li din is-sena se tinġabar taħt il-kappa ta’ Valletta 2018, biex klabbs ewlenin minn madwar id-dinja jiġu jitħarrġu f’Malta u jikkompetu kontra klabbs lokali.
Fl-10 ta’ Frar imbagħad tasal f’pajjiżna t-Tazza tad-Dinja, li se tkun esposta għal ġurnata fis-Suq tal-Belt, akkumpanjata mil-leġġenda u rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja tal-1998 ma’ Franza, Christian Karembeu.
//= $special ?>
