Il-Qorti laqgħet b’mod proviżorju l-mandat ta’ inibizzjoni mressaq mill-Partit Nazzjonalista, biex jipproteġi r-rieda tal-poplu meta l-Partit Nazzjonalista kiseb il-maġġoranza tal-voti u l-Kunsilliera fil-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar.
Aktar Qabel: Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli preżenta mandat ta’ inibizzjoni fil-Qrati tagħna biex jipproteġi r-rieda tal-poplu kif espressa fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli Lokali fl-2015, meta l-Partit Nazzjonalista ġab il-maġġoranza tal-voti u l-Kunsilliera fil-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar.
Il-Partit Nazzjonalista ressaq dan il-mandat ta’ inibizzjoni ibbazzat fuq dak li tistipula il-liġi tal-Kunsilli Lokali dwar x’għandu jsir f’każ li jkun hemm riżenja ta’ Sindku. Liema liġi tistipola li, il-post ta’ Sindku għandu jimtela’ minn dik il-persuna tal-istess partit li fl-aħħar elezzjoni tkun ġabet l-akbar ammont ta’ voti fl-ewwel għadd wara s-Sindku li jkun qed jispiċċa mill-kariga.
Il-liġi titkellem ċar dwar x’għandu jseħħ u min għandu jinħatar Sindku f’każ ta’ riżenja. Bl-istess mod il-poplu ta’ San Pawl il-Baħar tkellem ċar fl-aħħar elezzjoni. Il-Kunsilliera tal-Partit Laburista u żewġ kunsilliera hekk msejjħin indipendenti, tul din il-legislatura għamlu minn kollox biex ifixklu, ressqu mozzjoni ta’ sfiduċja fis-Sindku biex ikun hemm Sindku Laburista u qed jinterpretaw il-ligi kif jaqbel lilhom biex jisirqu l-poter f’dan il-kunsill.
Il-Partit Nazzjonalista qiegħed iressaq dan mandat ta’ inibizzjoni biex jaċċerta ruħu li r-rieda tal-poplu ta’ San Pawl Baħar tibqa’ tiġi rispettata.
Il-mandat ta’ inibizzjoni ġie iffirmat mil-Avukati Carm Mifsud Bonnici u Errol Cutajar. Clyde Puli kien akkumpanjat mill-Kelliem għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar, u mid-Direttur tal-Kunsilli Lokali Charles Bonello.
//= $special ?>