Lokali

L-istudenti jiċċelebraw jum is-siġar

Il-Park ta’ Xrobb l-Għaġin issa sar aċċessibbli għal kulħadd, anke dawk bi problemi ta’ mobbiltà, hekk kif it-Tnejn filgħodu ġie inawgurat proġett ta’ rampa.

L-inawgurazzjoni saret waqt attività għat-tfal minn skejjel differenti, li f’Jum is-Siġar ħawwlu diversi siġar indiġeni.

Dan bħala parti mill-inizjattiva Tree Your Own, skema li matul din is-sena skolastika qed jipparteċipaw fiha 14-il skola fejn qed jintagħżlu siti mitluqa fil-lokalitajiet differenti biex minflok isiru proġetti ta’ tħawwil ta’ siġar u riġenerazzjoni.

Tkellimna ma’ wħud mill-istudenti tal-iskola medja tar-Rabat, parti mill-Kulleġġ San Nikola, entużjasti li qed jitgħallmu b’mod alternattiv u fl-istess waqt iroddu xi ħaġa lura lill-ambjent u għall-ġenerazzjonijiet futuri.

Attendew ukoll studenti minn skejjel sekondarji, fosthom dawk mill-Kulleġġ Savio, ta’ Ħad-Dingli.

Fl-istess attività tnieda wkoll il-ktieb Trees and Shrubs of the Maltese Islands ta’ Eman Calleja, b’kopja tingħata lil kull skola li qed tipparteċipa fl-iskema Tree Your Own.