L-Oppożizzjoni tinnotta b’sodisfazzjoni li l-Gvern qed jaqbel mal-emendi proposti mill-Oppożizzjoni. Dan hekk kif Illejla ser tkompli d-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu persuni nominati f’karigi għolja f’pajjiżna ser jibda jsir skrutinju parlamentari tagħhom qabel dawn jiġi maħtura mill-Gvern. Dwar dan l-abbozz ta’ liġi l-Oppożizzjoni ressqet numru ta’ emendi fi stadju ta’ kumitat fil-Parlament.
Fi stqarrija l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Amministrazzjoni Pubblika u s-Settur Pubbliku Hermann Schaivone u l-Kelliem għall-Ambjent Karol Aquilina qalu li permezz ta’ dawn l-emendi l-Oppożizzjoni trid li jkun hemm l-obbligu li jsir smigħ waqt laqgħa ta’ Kumitat tal-Parlament dwar kull persuna li tiġi nnominata mill-Gvern. Fl-abbozz ta’ liġi li oriġinarjament ressaq il-Gvern dan ma kienx obbigatorju u l-Gvern ried li minflok isiru biss mistoqsijiet bil-miktub lill-persuna nominata li mbagħad twieġeb biss bil-miktub lill-Kumitat.
Bl-emenda li pproponiet l-Oppożizzjoni u li l-Gvern issa qed jaqbel magħhom, kull persuna nominata ser ikollha l-obbligu li tidher għal smigħ quddiem Kumitat tal-Parlament maħtur għal dan il-għan biex ikun jista’ jsir skrutinju tagħha.
L-Oppożizzjoni ressqet ukoll għadd ta’ emendi oħra fosthom dwar in-numru ta’ membri tal-Kumitat (biex jiżdied minn 5 għal 7), dwar il-mod kif jistgħu jiżdiedu l-karigi li tagħhom isiru skrutinju, dwar il-mod kif isir tnaqqis fil-karigi li tagħhom isir skrutinju (b’riżoluzzjoni tal-Parlament) u dwar kif għandu jingħata l-parir mill-Kumitat lill-Ministru li jkun innomina l-persuna kkonċernata. Il-Gvern qiegħed jaċċetta dawn l-emendi mressqa mill-Oppożizzjoni.
Minkejja dan kollu l-Gvern qed ikompli jinsisti li ma jdaħħalx fost l-ogħla karigi f’pajjiżna biex il-persuni nominati biex iservu fihom isir skrutinju tagħhom. Dawn il-karigi jinkludu lill-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, l-Avukat Ġenerali u ċ- Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar. Għalhekk l-Oppożizzjoni filwaqt li ser tkun qed tivvota favur din il-liġi, ser tkun qed tressaq emenda biex il-lista ta’ karigi tkun tinkludi fost l-ogħla karigi f’pajjiżna.
Din hi il-lista ta’ karigi li l-Oppożizzjoni ipproponiet li jsir ukoll skrutinju tagħhom u li l-gvern għadu mhux jaċċetta:
1. Il-Kummissarju tal-Pulizija
2. Il-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta
3. L-Avukat Ġenerali
4. Iċ-Chairman tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku
5. Iċ-Chairman tal-Kummissjoni dwar l-Impiegi
6. Iċ-Chairman tal-Awtorità dwar ix-Xandir
7. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni
8. Il-Kap tas-Servizz ta’ Sigurtà
9. Il-Kummissjonarju maħtur għall-għanijiet tal-Att dwar is-Servizz ta’ Sigurtà
10. Id-Direttur tas-Servizzi Korrettivi
11. Il-President tal-Kumitat ta’ Kordinament Nazzjonali biex jiġi Miġġieled Money Laundering u Finanzjar tat-Terroriżmu
12. Iċ-Chairperson tal-Awtorità tal-Istatistika ta’ Malta
13. Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar
14. Iċ-Chairperson tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol
//= $special ?>