Uffiċjali tal-Guardia di Finanza ta’ Pozzallo, fi Sqallija, arrestaw 12-il kaċċatur Malti li nqabdu b’għasafar protetti u armi llegali waqt li kienu ġejjin lura lejn Malta.
Skont ġurnali ta’ Ragusa, il-Maltin ġew arrestati fil-port ta’ Pozzallo hekk kif kienu se jaqbdu l-katamaran lejn Malta. Fil-pussess tagħhom instabu għexieren ta’ għasafar protetti, uħud minnhom f’riskju ta’ estinsjoni, fosthom diversi speċi ta’ papri protetti kif ukoll griewel. Dawn ġew sekwestrati hekk kif jidher lil-Maltin ma kellhomx lanqas il-permessi biex jikkaċċjaw.
Uħud mill-Maltin kellhom ukoll armi fil-pussess tagħhom minkejja li ma kellhomx liċenzja valida, kif ukoll apparat illegali bħal laser, birdcallers u dwal apposta biex jattiraw l-għasafar iżda li huma projbiti għal skop ta’ kaċċa. Dan l-apparat, kif ukoll 12-il senter u l-munizzjon, ukoll ġew sekwestrati mill-Pulizija Taljana.
L-investigazzjonijiet minn diversi sezzjonijiet taż-żamma tal-ordni fl-Italja, fosthom il-Fiamme Gialle, l-uffiċjali tad-dwana fi Sqallija u Pulizija mis-sezzjoni ta’ kontra l-kaċċa llegali ta’ Sqallija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>